Fetaħ uffiċjalment il-Ġublew tas-Sena 2025 – Ġublew li għandu it-tema ‘Pellegrini tat-Tama’.
Il-Papa Franġisku inawgura l-Ġublew bir-rit tal-Ftuħ tal-Bieb Imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan – ċerimonja li saret illejla, propju Lejlet il-Milied.
Il-Papa deher jersaq lejn il-Bieb tal-Bażilika fuq il-wheelchair tiegħu. U b’sens ta’ devozzjoni deher jiftaħ dan il-bieb, filwaqt li fuq barra tal-Bażilika ta’ San Pietru kien hemm pjazza ippakjata bin-nies.
Fil-Vatikan matul dan l-avveniment kienu evidenti l-miżuri kbar ta’ sigurtà li ttieħdu.
Il-ftuħ tal-Ġublew
Dan il-Bieb jinfetaħ biss matul is-Sena Mqaddsa u jinżamm magħluq fis-snin l-oħrajn.
Skont it-tradizzjoni, l-ewwel pellegrin li jaqsam l-għatba ta’ dan il-bieb huwa dejjem l-Isqof ta’ Ruma. U skont deskrizzjoni mill-1450, kien il-Papa Martin V fl-1423 li fetaħ l-ewwel Bieb Imqaddes matul sena tal-Ġublew. Dan seħħ fil-Bażilika tal-Lateran.
Imbgħad, fil-Bażilika tal-Vatikan, il-ftuħ tal-Bieb Imqaddes kien iddokumentat għall-ewwel darba fil-Milied tal-1499, meta l-Papa Alessandru VI ordna li l-Bieb Imqaddes jinfetaħ mhux biss f’San Ġwann Lateran iżda wkoll f’bażiliċi Rumani oħra.