Knisja Lokali

Illejla l-Papa jiftaħ il-Ġublew tat-Tama

Illum, lejlet il-Milied, il-Knisja Kattolika se tagħti bidu għall-Ġublew tas-Sena 2025 bit-tema ‘Pellegrini tat-Tama’.

Il-Papa Franġisku se jkun qed jinawgura l-ftuħ ta’ dan il-Ġublew bir-rit tal-Ftuħ tal-Bieb Imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru, f’Ruma, fis-7 tal-lejla. Dan il-Bieb jinfetaħ biss matul is-Sena Mqaddsa u jinżamm magħluq fis-snin l-oħrajn. Ir-rit tal-ftuħ jissimbolizza l-idea li, matul il-Ġublew, dawk li jemmnu jistgħu jgawdu mill-offerta ta’ “mogħdija straordinarja” lejn is-salvazzjoni. Wara li jinfetaħ il-Bieb, il-Papa jiċċelebra l-quddiesa ta’ lejlet il-Milied fil-Bażilika ta’ San Pietru.

Kull waħda mill-erba’ bażiliki maġġuri ta’ Ruma għandha Bieb Imqaddes: San Pietru, San Ġwann Lateran, San Paolo fuori le mura, u Santa Maria Maggiore. Il-Bibien Imqaddsa tal-Bażiliċi ta’ San Ġwann, San Pawl u Santa Marija jinfetħu wara li jinfetaħ il-Bieb Imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru.

F’pajjiżna s-Sena tal-Ġublew se tkun inawgurata mill-Arċisqof Charles Scicluna nhar il-Ħadd 29 ta’ Diċembru. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Knisja f’Malta se ssir fil-Grotta u l-Bażilika Minuri ta’ San Pawl fir-Rabat.