Lokali Qorti

Jingħata l-pleġġ fuq akkużi ta’ vjolenza domestika bl-Ispettur iżda tgħid li kien qed jiġi rikattat

Raġel ta’ 49 sena minn San Ġiljan wieġeb mhux ħati li ħebb għal martu, u ngħata l-pleġġ wara li fil-Qorti l-ispettur qalet li l-kuxjenza ma kienitx se tħallija kwieta jekk ma tiżvelax li l-mara rrikatat lir-raġel li twaqqa’ l-akkużi ta’ vjolenza domestika kontrih jekk jagħtiha d-dar matrimonjali.

Ir-raġel tressaq il-Qorti wara li martu rrapurtatu li ħebb għaliha li kkawżalha xi ġrieħi. Fil-Qorti, l-pulizija rrakontat li l-koppja jinsabu fi proċess ta’ separazzjoni iżda għadhom jirrisjedu fl-istess residenza. Il-vittma nfurmat lit-Taqsima ta’ kontra l-Vjolenza Domestika, li żewġha ħareġ kien daħal id-dar fis-sakra.

Qalet li waqt li kienet qed tnaddaf u hu kien qiegħed fuq is-sufan, beda joffendiha u meta nsulentatu lura, qam għaliha, waddabha mal-art u qabad isawwatha. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-mara sofriet minn ġrieħi f’għonqha u f’ħalqha filwaqt li l-imputat għandu arma tan-nar, u dejjem iżommha fil-komodina tal-kamra tas-sodda.

L-Ispettur qalet li l-mara allegat li ftit tax-xhur ilu, ir-raġel heddidha bl-arma u għalhekk ġiet offruta xelter fejn tirrisjedi. L-arma kienet konfiskata mill-pulizija u ma nstabu l-ebda skrataċċ fid-dar. Meta saret talba għal ħelsien mill-arrest, l-ispettur Audrey Micallef qalet li mhux ser issib oġġezzjoni għaliex fil-fehma tagħha l-allegata vittma qiegħda tabbuża mis-sistema tal-pulizija u tal-Qorti.

Dan għaliex, il-Ħadd li għadda l-mara l-ħin kollu bdiet iċċempel lill-pulizija biex jarrestaw lir-raġel, u meta marru biex jarrestawh, gergret mal-pulizija bdiet tgħid li trid twaqqa’ r-rapport. Sostniet li l-akkużat qed jiġi rrikattat mill-allegata vittma li jekk jtiha d-dar matrimonjali tagħhom, twaqqa’ l-akkużi ta’ vjolenza domestika fil-konfront tiegħu.

Il-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil laqgħet it-talba għal ħelsien mill-arrest, bil-kundizzjoni li l-akkużat jiffirma darbtejn fil-gimgħa fl-Għassa ta’ San Ġiljan, jiddepiżita elf ewro u garanzija personali ta’ €3,000 filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-mara.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef. Għall-akkużat deher l-Avukat Edmond Cuschieri filwaqt li l-Avukat Lennox Vella deher għall-vittma.