Lokali

Messaġġ ta’ awguri għall-Milied mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech

F’messaġġ għal Jum il-Milied, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Milied iħeġġiġna nibnu soċjetà li tistma lill-bnedmin kollha bl-istess dinjità. Għax kull persuna għandha d-dinjità tagħha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar fi ftit mill-ħafna esperjenzi li ltaqa’ magħhom fl-aħħar ġimgħat u jiem, fejn seta’ jifhem aktar l-isfidi li l-Maltin u l-Għawdxin iħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum.

Fuq kollox, hu wassal messaġġ ta’ tama f’jiem li għandhom ikunu żmien ta’ paċi, iżda mhux ta’ skiet quddiem it-tortura, l-istupru jew il-qtil li jgħaddu minnu l-immigranti. Għax il-paċi mhix skiet quddiem id-diskriminazzjoni fil-postijiet tax-xogħol jew quddiem ir-realtà ta’ dawk li jorqdu fuq bank jew taħt xi bankina.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna l-awguri tiegħu, ta’ martu AnneMarie u ta’ wliedhom, kif ukoll tal-PN, għal Milied Hieni lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.