Raġel ta’ 31 sena minn Ħal Qormi ma nstabx ħati li kkaġuna ġrieħi gravi fuq ieħor f’ħanut tax-xorb ġewwa Ħal Qormi u li kiser il-paċi pubblika wara li rriżulta li kien l-allegat vittma li ħebb għalih. Matthew Mario Grech ma nstabx ħati li fit-18 ta’ Settembru 2020, għall-ħabta tal-11pm f’bar, ikkaġuna ġrieħi gravi fuq Darren Brincat.
Mix-xhieda ta’ nies li kienu preżenti fil-ħanut, fosthom is-sidien tiegħu, irriżulta li kien Brincat li ħebb għal Grech billi faqa’ tazza tal-inbid f’wiċċu. Dan meta ma kien hemm ebda inċidenti bejniethom qabel. Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, li semgħet il-każ fil-konfront ta’ Grech, irrimarkat ukoll kif Brincat kien ammetta fi proċeduri kontrih li kkaġuna ferita gravi lil Grech.
Brincat kien ġie kundannat erba’ snin ħabs għal dan l-inċident. Kif inhi l-prassi meta jkun hemm ġlieda normalment ikunu ż-żewġ partijiet li jitressqu iżda l-Qorti qalet li dan kien każ ċar li kien l-allegat vittma li qala’ l-inkwiet.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Maġistrat Farrugua kkonkludiet li Grech kien qed jiddefendi lilu nnifsu mill-attakk ta’ Brincat u għalhekk illiberatu mill-akkużi miġjubin kontrih. L-Ispettur James Mallia mexxa l-prosekizzjoni.
//= $special ?>