Lokali Qorti

Mixli li hedded li joqtol lill-eks sieħba tiegħu u jikxifha bir-relazzjoni tagħhom ma’ żewġha

Raġel ta’ 41 sena minn Nepal inżamm arrestat wara li ġie mixli li hedded lill-eks sieħba tiegħu wara li qalilha li jekk itemm ir-relazzjoni ta’ bejniethom ser jibgħa ritratti intimi tagħhom lil żewġha li jinsab fin-Nepal. Huwa hedded ukoll lil mara li kien se joqtolha u wara joqtol lilu nniffsu.

Meta marret tagħmel ir-rapport tagħha fit-Taqsima ta’ kontra l-vjolenza domestika, il-mara allegat li qed tiġi segwieta u ffastidjata mill-eks sieħeb tagħha Ram Chandra Thakuri. Fil-Qorti, il-pulizija spjegaw, li kemm il-mara u anke ir-raġel huma miżżewġin lil terzi fin-Nepal, iżda bnew relazzjoni f’Malta wara li ltaqgħu fuq il-post tax-xogħol.

Jidher li l-koppja kien ilhom flimkien madwar sentejn u meta l-mara ddeċidiet li twaqqaf ir-relazzjoni, l-akkużat ma ħax pjaċir u beda jheddida li se jibghat ritratti intimi lil żewġha fin-Nepal. L-allegata vittma allegat ukoll li f’Ottubru marret iżżur lil qrabatha fin-Nepal u meta ġiet lura Malta, sabet lill-akkużat jistenniha l-Ajruport.

Minnufih ħadilha l-passaport u heddidha li jekk ma kinitx se jkollha ‘x’taqsam miegħu sesswalment u terġa’ tibda r-relazzjoni miegħu kien se jgħid b’kollox lil żewġha. Sostna magħha li jekk ma tkunx miegħu, ma tkun ma’ ħadd, li ser joqtolha u wara joqtol lillu nnifsu.

Dwar it-talba għal ħelsien mill-arrest, il-prosekuzzjoni qalet li teżisti l-biża li l-akkużat jipprova jkellem lill-vittma qabel il-Qorti tisma’ l-verżjoni tagħha. Minn naħa l-oħra l-avukat difensur qalet li n-Nepaliż għandu fedina penali netta, u jekk jeżisti riskju li r-raġel jikkuntatja lill-mara, talbet lill-Qorti toħroġ ordni ta’ protezzjoni.

Kien hawn li l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha u qalet li ordni ta’ protezzjoni hija waħda impossibli għaliex il-partijiet jaħdmu flimkien u b’hekk huwa aktar faċli li jsir kuntatt bejnithom. Fuq din ir-raġuni, il-Qorti preseduta mil-Maġistrat Joseph Gatt ċaħdet it-talba għal ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Antonello Magri filwaqt li l-akkużat kien assistit mill-Avukat tal-għajnuna legali Nadia Fiott.