Lokali

Mons. Teuma jirrikonoxxi “kull tip ta’ nukleju familjari”

Fil-messaġġ li wassal l-Isqof t’Għawdex għal Jum il-Milied, Monsinjur Anton Teuma saħaq fuq kif dan huwa żmien speċjali li jbiddel ir-rutina tal-ħajja ta’ kuljum, billi joffri ikliet, ħwejjeġ ġodda, rigali, u laqgħat mal-ħbieb. Iżda fil-verità….din il-ġurnata tibqa’ marbuta ma’ ġrajja sempliċi: meta koppja kellha tarbija, u Alla sar bniedem.

Ir-riskju hu li matul dan iż-żmien, nistgħu ninsew il-qofol essenzjali ta’ din il-ġrajja: it-twelid ta’ dan it-tifel – Alla li sar bniedem bħalna f’familja.

L-Isqof t’Għawdex semma’ kif Alla jsir bniedem sabiex jgħinna fl-esperjenzi tal-ħajja ta’ kuljum…. bħal diffikultajiet, mard, problemi, kunflitti fir-relazzjonijiet, u l-vojt li tħalli l-mewt ta’ xi ħadd maħbub. Dan filwaqt li jgħina ngħixu l-ħajja ordinarja…u fis-silenzju nisimgħu t-tagħlim tiegħu.

Huwa saħaq kif bħalissa fid-Djoċesi, bħalissa qed issir żjara pastorali biex Alla jagħti ċ-ċans li jħobbna u jagħmel spazju għall-imħabba tiegħu.

Matul din iż-żjara neddew ukoll ħidma speċjali favur il-familji, kemm dik tradizzjonali kif ukoll forom oħra ta’ familja – għaliex fi kliem Anton Teuma kulħadd huwa importanti f’għajnejn Alla.

L-Isqof ta’ Għawdex insista li l-Milied mhu xejn għajr iċ-ċelebrazzjoni tas-sempliċi, il-ħila li wieħed jara dak straordinarju fl-ordinarju, u li Alla jidħol fl-istorja sempliċi u normali tal-bniedem.