Lokali Qorti

Sentejn ħabs u multa ta’ €4,000 fuq diversi serqiet u attentati ta’ serq f’Birżebbuġa

Raġel mill-Etjopja li f’Awwissu tal-2022 kien ġie kundannat 26 xahar ħabs u mmultat €4,000 fuq serq minn diversi karozzi ġie kundannat sentejn ħabs oħra minn Qorti diversament preseduta wara li ammetta li bejn Awwissu li għadda u l-bidu ta’ dan ix-xahar wettaq diversi serqiet u każijiet oħra ta’ attentat ta’ serq li lkoll seħħew fil-lokalità ta’ Birżebbuġa.

Huwa ammetta wkoll f’xi każijiet minnhom għamel ħsara fuq il-propjetajiet li pprova jisraq minnhom u li dawn ir-reati kollha seħħew matul il-lejl. Dwar l-akkuża tar-riċediva l-Qorti qalet li din kienet diġa deċiża minn Qorti oħra.

Romi Yohannes, ta’ 23 sena, li għamel xi żmien joqgħod il-Ħamrun ammetta quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li fid-9 ta’ Diċembru li għadda bejn is-1:00am u 4:00am fi Triq il-Musbieħ, kellu l-ħsieb li jwettaq attentat ta’ serq minn propjetà, liema serqa ma seħħitx minħabba ta’ xi kawża aċċidentali u ndipendenti mill-volontà tiegħu.

Ammetta wkoll li waqt li pprova jikkommetti d-delitt wettaq ħsara volontarja fuq proprjetà mobbli ta’ mhux aktar minn €250 għad-dannu ta’ diversi persuni. Ammetta wkoll li fl-istess data, post u ħin, xerred żibel u ddepożitah f’post pubbliku.

Ukoll fuq ammissjoni huwa agredixxa persuna mingħajr vjolenza fuq persuna pubblika li kien qed iwettaq dmiru skont il-liġi u li fl-istess ħin, data u post ma obdiex l-ordnijiet leġittimi ta’ xi awtorità jew persuna fdata b’servizz pubbliku, waqt il-qadi ta’ dawn id-dmirijiet.

Ammetta wkoll li ħarab mill-kustodja ta’ uffiċjal pubbliku u barra minn hekk, talli, fit-22 ta ‘Settembru li għadda bejn is-1:00am u l-5:00am fi Triq tal-Papa, bil-ħsieb li jwettaq reat, manifestat tali intenzjoni b’atti ċari, liema reat ma seħħx minħabba xi kawża aċċidentali u ndipendenti mill-volontà tiegħu.

F’dan il-każ huwa wkoll kkawża ħsara fuq il-propjetà ta’ mhux aktar minn €250. Akkuża oħra tgħid li dak inhar stess f’xi ħin bejn it-3:00am u s-7:00am fi Triq Ferdinand Stuflesseri ikkommetta serq ta’ flus u oġġetti, liema serq huwa aggravat fejn kkommetta wkoll ħsara fuq il-propjetà tal-vittma ta’ mhux aktar minn €250.

Ammetta wkoll li fl-1 ta ‘Settembru bejn is-2:00am u l-05:00am fi Triq tal-Gurgier – bl-intenzjoni li jwettaq reat, manifestat tali intenzjoni b’atti ċari li kienu segwiti minn bidu tal-esekuzzjoni tar-reat, li l-kriminalità ma twettqitx b’konsegwenza ta’ xi kawża aċċidentali indipendenti mir-rieda tiegħu.

Serqa li seħħet kienet dik tad-29 ta’ Awwissu 2024 f’xi ħin bejn is-6:00am u l-għaxra ta’ 10:00am. fi Triq Arturo Issel fejn huwa seraq ammont ta’ flus u oġġetti u li għamel ukoll ħsara ta’ mhux aktar minn €250 fuq il-propjetà tal-vittmi. Hawn ukoll ammetta li naqas li jikkopera mal-Pulizija.

Huwa ammetta wkoll li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa u naqas milli jagħti avviż tagħhom lill-Pulizija fi żmien ġimgħa minn meta kien konxju fuq dan ir-reat. Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-piena l-Qorti ħadet nota tal-ammissjoni tal-ħtija u n-natura tar-reati.