Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq vjolenza domestika għal raġel li għandu l-problema tad-droga

Raġel ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li wettaq vjolenza domestika fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu bil-Qorti tgħid li anke jekk il-kondotta tiegħu hija waħda kkulurita m’għandux jingħata piena ta’ ħabs effettiva, imma li jkollu jsegwih uffiċjal tal-probation biex jaqbad it-triq it-tajba.

Il-Maġistrat Leonard Caruana ordna li ma jinħarġu l-ebda dettalji dwar ir-raġel u s-sieħba tiegħu, l-vittma f’dan il-każ biex hi tiġi protetta. Għaldaqstant ma jistgħux jissemmew ismijiet jew il-lokalità minn fejn ġejjin u fejn seħħ ir-reat.

Il-vittma u l-akkużat kienu f’relazzjoni bejniethom għal madwar sentejn u nofs, liema relazzjoni ntemmet madwar xahrejn ilu minn naħa tal-mara. Jirriżulta li bejn is-16 ta’ Diċembru 2024 u s-17 ta’ Diċembru 2024 l-akkużat għamel numru kbir ta’ telefonati lejn in-numru taċ-ċellulari tagħha.

Hi ċemplet lis-Sezzjoni tal-Vjolenza Domestika fejn qaltilhom li qed tibża’ minnu. Jirriżulta wkoll li dakinhar tas-16 ta’ Diċembru 2024 u anke fis-17 ta’ Diċembru 2024, l-akkużat mar fuq il-post
tax-xogħol tal-parte ċivile sabiex ikellimha.

Il-Qorti qalet li l-akkużat ammetta l-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu u għaldaqstant, fuq
l-ammissjoni volontarja u inkondizjonata,il-Qorti m’għandhiex triq oħra salv li ssib lill-akkużat ħati tal-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu kif minnu ammessi.

Fir-rigward tal-piena, il-Qorti qalet li tqis li din m’hijiex l-ewwel darba li l-akkużat xellef difrejh mal-liġi. Il-Qorti tara li l-komportament tal-akkużat dakinhar ta’ bejn is-16 u s-17 ta’ Diċembru 2024 ikkrea biża reali lill-parte ċivile, tant li kellha tirrikorri għand il-Pulizija sabiex tagħmel ir-rapport. Illi l-Qorti tqis li dan
il-komportament m’huwiex aċċettabbli fis-soċjetà Maltija u li l-piena m’għandhiex tkun waħda lejn il-minimu.

Min-naħa l-oħra, l-Qorti semgħet li l-akkużat għandu problema tal-abbuż mid-droga u anke diffikultajiet fit-trobbija tiegħu u jkun aħjar għalih jekk jingħata t-trattament meħtieġ, bil-garanziji kollha, u jkun segwit minn uffiċjal tal-probation, aktar milli jingħata sentenza karċerarja effettiva.

Għal dawn il-motivi, l-Qorti, wara li semgħet l-ammissjoni inkondizzjonata tiegħu, sabet lir-raġel ħati tal-akkużi kollha dedotti kontra tiegħu u ikkundannatu għal piena 18 xahar priġunerija li, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 28A tal-Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Qorti ordnat li din il-piena ma tidħolx fis-seħħ ħlief jekk matul il-perijodu ta’ tliet jikkommetti reat ieħor li għalih hemm piena ta’ priġunerija.

In oltre, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 382A tal-Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Qorti qalet li qed tagħmel ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-ħati a favur il-vittma għall-perjodu ta’ sentejn li għandu jibda jiddekorri mid-data tas-sentenza. Il-prosekizzjoni tmexxiet mill-Ispettur Antonello Magri.