Fis-Sirja, inqalgħu l-protesti kbar wara li xi persuni taw in-nar lil Siġra tal-Milied – bl-azzjoni twassal għal mewġa ta’ għadab u sejħiet biex l-awtoritajiet Iżlamiċi ġodda f’Damasku jieħdu l-passi meħtieġa ħalli jipproteġu lill-minoranzi – fosthom il-komunitajiet tal-Kristjani fil-pajjiż….
Filmat li qed jiċċirkola fuq il-media soċjali qed juri s-siġra waqt li qed taqbad fil-pjazza ewlenija ta’ Suqaylabiyah –belt ta’ maġġoranza Kristjana fiċ-ċentru tal-pajjiż.
Dan meta dehru anki diversi rġiel armati fil-madwar tas-siġra u meta issa ħarġu wkoll il-filmati ta’ żewġ irġiel fil-mument proprju waqt li huma qegħdin jagħtu n-nar lis-siġra.
Il-grupp Hayat Tahrir al-Sham – il-grupp ewlieni tal-milizji Iżlamiċi li mexxa r-rewwixta li ġabet fi tmiem ir-reġim tal-President Sirjan Bashar al-Assad – qal li saru l-arresti b’konnessjoni mal-inċident…Arresti li jingħad kienu jikkonċernaw numru ta’ ġellieda barranin li ma kenux identifikati.
Ir-Rappreżentanti tal-milizji li qed imexxu lis-Sirja ġdida sadanittant wiegħdu biex jipproteġu d-drittijiet u l-libertà tal-minoranzi etniċi u reliġjużi fis-Sirja.
Dan waqt li eluf ta’ dimostranti ħarġu fit-toroq madwar il-pajjiż biex jipprotestaw dwar l-inċident….Protesti li ddominaw fit-toroq ta’ Damasku u Suqaylabiyah fil-provinċja ta’ Hama.
Intant, il-kelliema għar-ribelli li ħadu l-kontroll fis-Sirja aċċertaw lill-folol tan-nies irrabjati f’Suqaylabiyah li s-sitwazzjoni kellha titranġa mill-aktar fis wara l-ħruq tas-siġra. Uħud mir-rappreżentanti anki ffurmaw is-sinjal tas-Salib f’wirja ta’ solidarjetà mal-minoranzi….Ġest li mhux is-soltu jagħmlu l-Islamiċi konservattivi.
Madankollu, ir-rabja kompliet f’xi zoni tal-kapitali, Damasku, u fejn in-nies għajjtu kontra l-preżenza tal-ġellieda barranin fost il-kant tas-slogans dwar Sirja ħielsa. Mifhum li r-rabja hi diretta speċifikament kontra l-ġellieda barranin fil-pajjiż, b’xi dimostranti f’subborg ta’ Damasku jġorru salib u bnadar Sirjani fost l-għajjat li huma lesti biex jissagrifikaw ruħhom ħalli jipproteġu lis-salib.
Numru ta’ dimostranti li kellmu lill-istampa barranija qalu li posthom mhux fis-Sirja jekk mhumiex se jkunu permessi li jipprattikaw ir-reliġjon bħala Kristjani u bħalma kienu jagħmlu fl-antik.
Fis-Sirja qed jgħixu ħafna gruppi etniċi u reliġjużi u meta, minbarra l-Kristjani, hemm il-komunitajiet tal-Kurdi, l-Armeni, l-Assirjani, id-Drużi, ix-Xiti Alawiti u l-Għarab Sunniti.
Intant, wieħed irid jara kif il-Hayat Tahrir al-Sham se jiggverna lis-Sirja…Dan meta l-grupp qal li qed jirrinunċja għall-vjolenza waqt il-proċess biex iwaqqaf Stat ġdid bil-mezzi aktar pragmatiċi u li ma jħallux lok għall-fundamentaliżmu Iżlamiku.
Il-mexxejja tal-grupp qed jitkellmu dwar ir-rieda li jibnu pajjiż tas-Sirja għas-Sirjani kollha u waqt li l-Hayat għadu meqjus bħala organizzazzjoni terroristika min-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti u r-Renju Unit, hemm ukoll is-sinjali li l-affarijiet, ‘il quddiem, jistgħu jinbidlu minn aspett diplomatiku.
//= $special ?>