Lokali

Tmut Maria Farrugia – l-aktar mara anzjana f’pajjiżna, li kellha 112-il sena

Mietet fl-età ta’ 112-il sena Maria Farrugia, li kienet meqjusa bħala l-ixjeħ mara f’pajjiżna.

Ir-rekord tal-aktar persuna li għexet f’Malta kienet kisritu diġà fit-2 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet meta hi għalqet 111-il sena, tliet xhur u 25 ġurnata. Dakinhar, Maria Farrugia saret l-iżjed persuna li għexet fost il-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Minn informazzjoni li kien tana l-Professur Raymond Mangion is-sena li għaddiet, f’artiklu pubblikat fil-gazzetta Il-Mument, qabel Maria Farrugia l-aktar bniedem li għex kien Ġanni Schembri minn Ħal Qormi li kien twieled fl-1757, b’koinċidenza kbira fl-istess data li twieldet Maria Farrugia, jiġifieri s-7 ta’ Marzu.

Maria Farrugia twieldet fl-akkwata ta’ “San Silvestru” fil-Mosta fis-7:30 ta’ filgħodu fis-7 ta’ Marzu 1912, u hi bint Anġlu Galea ‘Tal-Partiżan’ mill-Mosta u Anna mwielda Bezzina mill-familja ‘Ta’ Mustaċċja’. Il-ġenituri kellhom ħemel ulied iżda salvaw ħamsa. Ommha mietet ta’ 100 sena u tliet xhur fl-1982.

Maria hi l-unika persuna ħajja f’Malta li għexet l-Ewwel Gwerra (1914-1918), l-Irvellijiet tas-‘Sette Giugno’ (7 u 8 ta’ Ġunju 1919), l-Ewwel Gvern Responsabbli (1921-30, 1932-33), it-Tieni Gwerra Dinjija (1939-45), it-Tieni Gvern Responsabbli (1947-58), l-Indipendenza (1964), ir-Repubblika (1974), il-Ħelsien (1979) u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea (2004). Baqgħet tiftakar it-tramm u l-ferrovija u bosta xeni ta’ Malta tal-imgħoddi.