Internazzjonali Knisja

Fil-messaġġ tal-‘Urbi et Orbi’ il-Papa Franġisku jsostni biex “insikktu l-armi”

“Ejjew insikktu l-armi qerrieda li qed jifnu l-umanità”

Fil-messaġġ tradizzjonali tiegħu Urbi et Orbi, minn Pjazza San Pietru, f’Ruma, il-Papa Franġisku fakkar fl-eluf ta’ nies li f’dawn iż-żminijiet qaddisa qiegħdin jistkennu mill-bombi u l-armamenti qerrieda – fosthom in-nies fil-Lvant Nofsani u fl-Ukrajna.

Il-Papa talab ukoll għal waqfien mill-ġlied u saħaq li s-sitwazzjoni umanitarja tiġi rimedjata permezz tal-għajnuna. Dan filwaqt li reġa wkoll appella sabiex jinħelsu l-ostaġġi Israeljani li spiċċaw vittmi ta’ attakki koroħ.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika irrefera wkoll għat-tensjonijiet u l-kunflitti li seħħew fis-Sirja u s-Sudan fost l-oħrajn

Hu talab għal aktar soledarjetà mill-Kattoliċi madwar id-dinja kollha. Dan apparti li aċċena għal soluzzjonijiet xierqa biex jingħeleb n-nuqqas ta’ qbil soċjali u politiku u biex niġġieldu kontra l-forom ta’ faqar.

Huwa fakkar ukoll kif it-twelid ta’ Ġesù huwa ġrajja ta’ tama għall-umanità fejn hawnhekk il-Papa Franġisku għadda messaġġ ta’ tama u kuraġġ għal dawk kollha li jħossuhom waħedhom hekk kif qal li aħna lkoll maħbuba minn Alla.

Il-Papa kien fil-gallarija li tagħti fuq Pjazza San Pietru f’siġġu tar-roti u għamel id-diskors tiegħu waqt li kien bilqiegħda, anke wara li ddeċieda li jmexxi t-talba tal-Angelus tal-Ħadd li għadda minn ġewwa r-residenza tiegħu fil-Vatikan minħabba sintomi ta’ riħ.

Nhar il-Ħamis, huwa mistenni jivvjaġġa lejn il-ħabs ta’ Rebibbia ta’ Ruma biex jiftaħ bieb qaddis bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-ġublew, l-ewwel darba li avveniment bħal dan se jsir f’ħabs.