F’temp kiesaħ u xitwi, pajjiżna qed jiċċelebra l-festa tal-Milied – festa li hija msejsa fuq diversi tradizzjonijiet reliġjużi, funzjonijiet, kif ukoll użanzi antiki li jmorru lura għal ġenerazzjonijiet sħaħ.
Bosta familji, wara l-quddiesa ta’ nofs il-lejl, jinġabru fid-djar biex jiftħu r-rigali u jieklu l-ħelu li huwa assoċjat ma’ dan iż-żmien tas-sena. U oħrajn jagħżlu li jinġabru għall-ikla tal-Milied illum f’nofsinhar fejn hemmhekk ukoll jispikka ikel tradizzjonali bħad-dundjan.
Minkejja r-riħ qawwi, jidher li din is-sena l-Maltin u l-Għawdxin se jkunu jistgħu jgawdu l-Milied bl-aqwa mod.
Anke fit-toroq tagħna, jidher li l-maġġoranza tas-sewwieqa mxew mal-appelli għall-prudenza. B’kelliem għall-Pulizija jgħidilna li ma kienx hemm inċidenti maġġuri matul il-lejl li għadda.
Il-Milied huwa festa Kristjana li tfakkarna fit-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu, u dalgħodu tiġi ċċelebrata b’quddiesa Solenni fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.
//= $special ?>