Internazzjonali

20 sena mit-tsunami devastanti li ħalla 230,000 vittma

Kien propju l-Ħadd 26 ta’ Diċembru tal-2004 meta tsunami fl-Oċean Indjan ħasad il-ħajja ta’ mill-inqas 230,000 persuna – tsunami li kien seħħ l-għada tal-Milied, u li xxokkja lid-dinja kollha.

Kien għall-ħabta tat-8 ta’ filgħodu meta l-kosta tal-Indoneżja ntlaqtet minn terremot taħt il-baħar li laħaq is-saħħa ta’ 9.1 fuq l-iskala Richter; terremot li kellu impatt mill-aktar devastanti f’madwar 15-il pajjiż fl-Asja kif ukoll xi żoni fil-Lvant tal-Afrika.

L-istess terremot ikkawża mewġ għoli, b’numru ta’ rapporti jindikaw li l-mewġ laħaq saħansitra 9 metri – tant li kesa kompletament l-ibliet ta’ madwar il-kosta.

Il-pajjiżi l-aktar milquta minn dan it-tsunami kienu l-Indoneżja, is-Sri Lanka, l-Indja, il-Maldivi u t-Tajlandja bl-awtoritajiet fl-Indoneżja kienu qalu li l-vittmi hemmhekk biss ammontaw għal madwar 200,000.

Huwa mifhum li dan it-tsunami affettwa tal-anqas 1.7 miljun persuna.

Intant, 20 sena ilu crew minn Net News kien preżenti fiż-żona fejn seħħ it-tsunami bil-filmati juru d-devastazzjoni li ħalla warajh il-mewġ għoli; xeni ta’ bini li kien prattikament sparixxa għal kollox.

Dan apparti li l-awtoritajiet ta’ pajjiżna kienu kkonfermaw li kien hemm numru ta’ Maltin fiż-żona fejn seħħ it-terremot. U tliet nisa Maltin kienu ġarrbu xi ġrieħi minħabba li kienu qrib il-kosta meta seħħ it-tsunami.

Matul dawn l-aħħar għoxrin sena numru ta’ bliet u villaġġi kellhom jibnu kollox mill-ġdid. U din id-darba l-infrastruttura hija aktar b’saħħitha minn dik li kien hemm qabel. Dan apparti li ġew installati sistemi ġodda t’allert bit-tama li dawn iż-żoni ma jesperjenzawx traġedja fuq l-istess skala.

20 sena wara dan it-tsunami – li huwa meqjus bħala wieħed mill-agħar diżastri naturali fl-istorja tad-dinja – l-Indoneżja u t-Tajlandja għadhom isellmu l-memorja ta’ dawk kollha li tilfu ħajjithom.

Sinifikanti l-fatt li f’villaġġ partikolari hemm ‘il fuq minn 14,000 persuna mhux identifikati li jinsabu midfuna hemmhekk.

U kull sena eluf jinġabru f’postijiet varji li ntlaqtu mit-tsunami, sabiex iħallu l-fjuri kif ukoll jitolbu għall-vittmi.