Waqt li d-dinja kienet qed tiċċelebra t-twelid ta’ Ġesu bambin …il-Palestinjani ta’ Gaza qattgħu lejn ieħor fit-tined, f’kesħa kbira. U t-temperaturi tant niżlu…illi tarbija tat-twelid mietet friżata għax ma kelliex biżejjed kutri biex iżommuha sħuna.
Skont diversi rapporti…din it-tarbija, li kellha biss tliet ġimgħat, mietet propju fil-lejl tal-Milied, viċin Khan Younis.
F’kummenti li missier it-tarbija ta lil midja huwa qal li l-Palestinjani f’Mawasi qegħdin jgħixu f’kundizzjonijiet oribli fil-kampijiet – tant li qed jorqdu direttament fuq ir-ramel mingħajr kutri. Il-missier fisser wkoll il-mument li fih sab lit-tifla tiegħu mitlufa minn sensiha, kiesħa silġ u iebsa għuda.
L-istess rapporti qed jindikaw li minbarra din it-tarbija, kien hemm b’kollox tlett itfal li tilfu ħajjithom kawża tal-kesħa.
Bħalissa, madwar miljun persuna fit-territorju Palestinjan m’għandhomx xelter adekwat biex jikkumbatti l-elementi tat-temp.
Diversi għaqdiet qed jindikaw kif sal-aħħar ta’ Novembru … 285,000 persuna biss irċivew materjal adekwat biex ikunu jistgħu jilqgħu mill-kesħa f’dawn ix-xelters. U 945,000 persuna tħallew mingħajr din l-assitenza tant meħtieġa.
Intant, fl-aħħar sigħat kien hemm attakk fuq diversi ġurnalisti waqt li dawn kienu reqdin f’vann li normalment jużawh għal xogħol ta’ rappurtaġġ …. u li kien ipparkjat ftit il-bogħod mill-isptar ta’ Awda.
L-attakk seħħ ftit wara li daqq nofsilejl meta missila minn drone niżlet fuq dan il-vann li kellu fuqu indikazzjonijiet ċara li kien tal-media – vann li kien b’kulur aħmar u li kellu il-kelma PRESS stampata fuqu.
Jidher li l-5 ġurnalisti mietu fil-post. U l-katavri tagħhom instabu kompletament maħruqa.
U fi żviluppi oħra, jidher li l-messaġġ b’saħħtu li wassal il-Papa Franġisku waqt l-Urbi et Orbi ma tantx niżel tajjeb mal-Iżraeljani. Dan hekk kif il-Kap tal-Knisja Kattolika iddiskriva l-attakki li qed isiru mil-forzi ta’ Iżrael bħala krudili.
Wara dawn il-kummenti….il-Ministru tal-Affarijiet Internazzjonali ta’ Iżrael iltaqa’ mal-Arċisqof Eyal Bar-Tal u esprima dispjaċir kbir għall-messaġġ li għadda il-Papa f’Jum il-Milied.
//= $special ?>