Il-Gvern tar-Russja wissa biex ħadd ma joħroġ bis-‘suppożizzjonijiet’ u teoriji infondati relatati mal-ajruplan tal-passiġġieri li ġġarraf f’Jum il-Milied waqt li fi triqtu lejn l-artijiet Russi….Traġedja li swiet il-ħajja ta’ 38 persuna u li għadha s’issa taħt investigazzjoni.
L-ajruplan tal-Azerbaijani Airlines kien qed jivvjaġġa mill-Kazakhstan lejn ir-Russja u l-filmati tal-fdalijiet tiegħu qed jindikaw il-ħsarat x’aktarx li dovuti għal xrapnel…Dan meta l-esperti qed jissuġġerixxu li l-ajruplan seta’ intlaqat mill-balal sparati mis-sistemi tad-difiża għal kontra l-attakki mill-ajru waqt li kien għaddej minn fuq ir-Repubblika Russa taċ-Ċeċenja.
Qabel iġġarraf viċin il-belt ta’ Aktau, fil-Kazakhstan, l-ajruplan kien qabad rotta ġdida minn fuq il-Baħar Kaspjan wara li kellu jibdel id-direzzjoni b’kaġun ta’ ‘problemi li għadhom mhumiex mija-fil-mija magħrufa’.
Intant, 29 minn fost is-67 persuna abbord salvaw b’ħajjithom u meta l-ġurnata tallum hi waħda ta’ luttu għall-poplu tal-Ażerbajġan li qed isellem lill-memorja tal-vittmi. Dan ukoll waqt li l-President Ażeri, Ilham Aliyev, tkellem dwar ‘it-traġedja kbira li ħalliet niket profond fost il-popolazzjoni kollha ta’ pajjiżu’.
Fl-istess ħin, il-kelliem għall-Kremlin tar-Russja, Dmitry Peskov, qal li wieħed jiżbalja bil-kbir jekk iressaq xi ipoteżi qabel il-konklużjoni tal-investigazzjoni. Hu kompla biex ‘ħadd ma jgħaġġel bil-konklużjonijiet’ u biex l-uffiċjali u l-osservaturi jistennew ir-riżultat finali tal-investigazzjoni.
L-ajruplan tat-tip Embraer 190 kien beda t-titjira minn Baku, il-kapitali tal-Ażerbajġan, fl-għodwa tal-Milied. U waqt li t-titjira kienet skedata lejn Grozny, fiċ-Ċeċenja, il-pjanijiet tal-kontrolluri kellhom jinbidlu minħabba inċidenza ta’ ċpar f’dik iz-zona.
Intant, xi nies li ma messhomx l-istess destin traġiku tal-passiġġieri l-oħra jemmnu li l-pilota tal-ajruplan kien ipprova jinżel l-art fi Grozny u sakemm instemgħet splużjoni — u bl-ajruplan jitlef diversi partijiet bħala konsegwenza.
Sigħat wara, ħarġu l-filmati tal-ajruplan waqt li kien qed javviċina l-art b’veloċità kbira u fejn niżel ftit kilometri ‘il hinn mill-mitjar ta’ Aktau, viċin il-kosta – u fejn spiċċa jisplodi f’ballun tan-nirien eżatt mal-inżul.
L-awtoritajiet fil-Kazakhstan, fl-aħħar sigħat, irkupraw il-flight data recorder tal-ajruplan u li jippermetti għal investigazzjoni aktar intensiva u dettaljata tat-traġedja. Dan waqt li t-Televiżjoni tal-Istat tar-Russja qed tgħid li t-tiġrif x’aktarx hi seħħ wara li l-ajruplan kellu kuntatt fl-ajru ma’ ‘mewġa ta’ agħsafar’.
//= $special ?>