Internazzjonali

Is-Sudan qed jagħlaq is-sena fi kriżi tal-ġuh allarmanti

Is-Sudan, li ilu s-snin mifni bil-gwerer, qed jegħreq dejjem aktar fi kriżi tal-ġuh fost l-isplużjoni tal-malnutriżmu fost il-poplu.

L-esperti dwar is-sigurtà tal-ikel madwar id-dinja, intant, qed iwissu dwar l-impatt mill-aktar ikrah fuq livell umanitarju….Sitwazzjoni fejn il-pjaga tal-ġuh infirxet lejn ħames zoni ta’ dan il-pajjiż li hu fost l-akbar Stati Afrikani….Sitwazzjoni fejn madwar 25 miljuni ( kważi nofs il-popolazzjoni Sudaniża)  jinsabu fi ħtieġa urġenti ta’ għajnuna fil-forma tal-ikel bażiku.

Fattur ewlieni għall-kriżi tal-ġuh hi l-gwerra ċivili li ilha għal 20 xahar u li ħalliet ir-riżultati devastanti madwar is-Sudan. Dan ukoll meta, sallum, fallew l-isforzi ta’ medjazzjoni biex jintemm il-konflitt bejn l-Armata tas-Sudan u l-paramilitari tal-RSF li qed jissarraf f’dejjem aktar għexieren ta’ mejtin u midruba.

L-Armata u l-RSF kienu wettqu kolp ta’ stat flmkien fl-2021 iżda l-kapijiet tal-entitajiet rispettivi spiċċaw f’taqbida ħarxa għall-poter  — u bir-riżultat tal-gwerra ċivili li faqqgħet fl-2023. Filwaqt li l-gwerra ħolqot waħda mill-agħar sitwazzjonijiet umanitarji fid-dinja, il-Famine Review Committee (l-FRC, li hu appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti)  qed iwissi dwar katastrofi akbar jekk il-konflitt ma jintemmx mill-aktar fis.

Dan il-Kumitat għandu r-rabtiet mal-Food Phase Classification (IPC) – li hi inizjattiva globali u integrata bis-sehem tal-aġenziji tan-NU, il-gruppi tal-għajnuna u l-Gvernijiet li huma obbligati biex jidentifikaw il-kundizzjonijiet tal-ġuh madwar id-dinja.

U s-sitwazzjoni fis-Sudan għandha tiggrava wara li l-Gvern Sudaniż, appoġġjat mill-Armata, ħabbar li qed jissospendi l-kooperazzjoni mal-IPC. Dan fost l-akkużi li l-IPC ‘qed joħroġ ir-rapporti qarrieqa li jaffettwaw ħażin lis-sovranità u dinjità tas-Sudan’.

L-aħħar spinta fil-kriżi tal-ġuh (fis-Sudan) qed tkun identifikata fil-kamp ta’  Zamzam fir-reġjun ta’ Darfur  fejn hemm madwar nofs-miljun refuġjati. Is-sitwazzjoni ddisprata hi anki riflessa fil-kampijiet ta’ Abu Shouk u al-Salam fil-belt ta’ el-Fasher (f’Darfur) kif ukoll f’żewġ zoni  fl-Istat ta’ Kordofan lejn in-nofsinar.

L-FRC, issa, qal li l-katastrofi tal-ġuh hi fost  l-akbar manifestazzjonijiet ta’ tbatija li kapaċi jmissu lill-bniedem u li jirrappreżentaw kollass kaotiku tas-sistemi u r-riżorsi li huma essenzjali għall-għajxien.

Dan għaliex sitwazzjonijiet bħal dawn ma jinvolvux biss in-nuqqasijiet tal-ikel iżda anki kroll profond tas-sistemi għall-ħarsien tas-saħħa u l-istrutturi soċjali – bir-riżultat li komunitajiet sħaħ qed jispiċċaw fi stat ta’ disprament totali.

Sadanittant, l-FRC qed ibassaar li talanqas ħames zoni oħrajn fir-reġjun ta’ Darfur kapaċi jiffaċċjaw stat ta’ ġuh katastrofiku sa Mejju – bis-sitwazzjoni traġika anki għandha tinfirex minn hemmhekk lejn 17-il zoni oħrajn fis-Sudan.

Dan waqt li Darfur u l-inħawi ta’ Kordofan fin-naħa t’isfel tal-pajjiż bħalissa wkoll qed iħossu l-impatt tal-agħar vjolenza, b’dejjem aktar ċivili qed jinqatlu inkella jisfaw maħtufin mill-gruppi tal-irġiel armati.