Mat-tokki ta’ nofs il-lejl, fl-1 ta’ Jannar 2024, pajjiżna kien lest biex jilqa’ s-sena li fiha ċċelebrajna s-60 sena tal-Indipendenza ta’ Malta, il-50 sena Repubblika, u l-20 sena bħala membri fl-Unjoni Ewropea.
Iżda ftit konna qed naħsbu x’sena imqallba kien se jkollna; sena li fiha rajna minn kollox. Minn eks Prim Ministru jitressaq il-Qorti…għall-konferma ta’ Roberta Metsola bħala President tal-Parlament Ewropew.

Sena li fiha rajna erba’ omiċidji – dak ta’ Eric Borg fl-ewwel tas-sena, Sandra Ramirez fit-13 ta’ Jannar, id-delitt ta’ Jesmond Gatt li seħħ f’Monte Carmeli, u l-każ xokkanti ta’ Nicolette Ghirxi li inqatlet f’Awwissu. Ma’ dawn, il-każ tal-Kolumbjan illi tqatta’ bicciet wara li instab mejjet f’appartament.

Lil hinn mill-Kronaka, l-2024 kienet is-sena tal-elezzjonijiet: mir-ritorn ta’ Donald Trump, għall-elezzjonijiet tal-MEPs. Bis-suċċess tal-PN u ta’ Bernard Grech iġibu magħhom spirtu imġedded fost l-elettorat – li qed jinħassa anke fis-surveys.

Kampanja li kienet ko-ordinata minn Karl Gouder, u li fissret suċċess ukoll għall-PN anke f’diversi Kunsilli Lokali, fejn kiseb lura l-maġġoranza.
F’nofs dik il-kampanja elettorali, il-kriżi interna tal-Labour. B’Robert Abela jitlef il-kontroll assolut tal-partit. Tant li nies bħal Manuel Cuschieri u Jason Micallef spiċċaw sejjħu lin-nies quddiem il-Qorti biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri – akkużati bil-frodi tal-Vitals.

Sena li fiha ma tkellimniex biss dwar dan l-iskandlu tal-isptarijiet: kien hemm ukoll l-iskandlu tal-mara ta’ Clayton Bartolo, l-allegazzjonijiet ta’ frodi fl-irmiġġi tal-Imġarr Għawdex, u r-racket ta’ Identity Malta.

Kienet ukoll sena ta’ kuntrasti – Minn rekord ta’ temperaturi għoljin, għal rekord f’Jum il-Milied, li kien l-aktar wieħed kiesaħ fl-aħħar għaxar snin.
Kien sena li fiha rajna numru rekord ta’ fkieren ibejtu fuq il-bajjiet tagħna.

U s-sena li immarkat il-breaktrough għall-kantant ċkejken Ramires Sciberras.

Sinifikanti dak li għamel l-għawwiem Neil Agius, li bla dubju se jibqa’ jiftakar l-2024 bħala dik is-sena li fiha kiser rekord dinji għall-itwal għawma f’baħar miftuħ…fuq distanza ta’ 142 kilometru.
