Omm li kienet ikkundannata 23 ġimgħa ħabs talli għal diversi drabi ma tatx aċċess lill-eks raġel għal binhom, li llum għandu madwar 7 snin, rebħet l-appell u għalhekk mhux se tiskonta l-piena.
Il-mara ta’ 36 sena tressqet fil-Qorti tal-Maġistrati fejn kienet akkużata li f’diversi jiem naqset li tieħu lil binha biex iqatta’ ftit ħin ma’ missieru. Instabet ħatja għal 23 sentenza separata u ġiet ikkundannata ġimgħa ħabs kull waħda wara li naqset li tagħti aċċess lill-eks raġel.
Il-mara appellat bl-Imħallef Edwina Grima rrimarkat li f’dan il-każ kellha żewġ verżjonijiet kunflinġenti quddiemha bir-raġel jgħid li bejn Ottubru 2021 u Ottubru 2023 omm ibnu qatt ma tatu aċċess għalih.
Min-naħa tagħha l-omm qalet li kien huwa li naqas li jmur għal ibnu ħdejn l-għassa tal-Pulizija fejn kienu miftehmin waqt li allegat li kien jaħqar lil binhom u li kien ikun xurban.
L-Imħallef Grima semgħet ukoll uffiċjali tal-Appoġġ jgħidu kif minħabba allegazzjonijiet li l-ġenituri għamlu fil-konfront ta’ xulxin l-aċċess tat-tifel beda jsir taħt superviżjoni fl-uffiċċju tal-Aġenzija.
Semgħet ukoll lill-missier jgħid li ma kellux aktar interess f’dawn il-proċeduri għax kien qed jingħata l-aċċess għand l-Appoġġ u għalhekk bidlet is-sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati u lliberat lill-omm mit-23 kundanna.
//= $special ?>