Lokali

L-Istrina 2024 – festa kbira ta’ solidarjetà

Ritratt: Catriel Farrugia

“Illum ħeġġeġ lill-familja kollha biex iċemplu, b’risq dawk li ma assoċċjawx il-ferħ mal-ġurnata tal-Milied”.

Kienet dan li ddikjarat il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fil-messaġġ li wasslet fil-ftuħ tal-Istrina tal-2024, meta spjegat li fil-jum tal-Milied ma kienx ta’ ferħ għal kulħadd, imma kien hemm min kien fl-Isptar għalll-kura u għalhekk, l-għada tal-Milied kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu.

Ftit tal-minuti ilu għadha kif ingħatat bidu ‘Flimkien b’solidarjetà’, l-Istrina tal-2024.

Din hija l-ewwel edizzjoni tal-Istrina li se tkun qed issir taħt il-Presidenza tal-Eċċellenza tagħha Myriam Spiteri Debono. Bil-maratona tingħata bidu f’nofsinhar u tintemm f’nofsilejl.

Kienu l-ogħla awtoritajiet fil-pajjiż li wasslu l-messaġġ tagħhom, fosthom kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li f’messaġġ qasir li wassal, appella sabiex kulħadd jagħti s-sehem tiegħu f’din il-maratona, sabiex isir ġid lejn ħutna Maltin u Għawdxin li tant huma fil-bżonn, f’festa ta’ mħabba u solidarjetà.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat minn Anne Marie Grech, illi wkoll poġġiet twieġeb lil dawk li qed jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom.

Minn naħa tiegħu l-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna spjega t-tifsira tal-kelma ‘istrina’ u għaldaqstant appella sabiex kulħadd jingħaqad ħalli tikber l-imħabba, l-għajnuna u s-solidarjetà.

Bil-Prim Ministru Robert Abela appella għad-donazzjonijiet, fid-dawl tal-valuri sodi li għandu l-poplu Malti u Għawdxi, valuri li se jissarrfu waqt din il-maratona.

L-ewwel edizzjoni tal-Istrina kienet lura fl-1995, u issa hija fost ir-rutina ta’ bosta l-għada tal-Milied. Bil-familji Maltin u Għawdxin qatt ma jonqsu mid-dmir tagħhhom li jagħtu d-donazzjonijiet lil dawk l-aktar fil-bżonn.

Is-somma li nġabret is-sena l-oħra kienet dik ta’ €5.27 miljun.