Internazzjonali

Gaza: Evakwazzjoni sfurzata tal-pazjenti waqt il-kaċċa għall-Ħamas

Il-militar Iżraeljan, fl-aħħar sigħat, mexxa l-evakwazzjoni sfurzata tan-nies minn sptar fin-naħa ta’ fuq ta’ Gaza… Dan waqt li kelliema għall-Armata qalu li l-evakwazzjoni kellha ssir bħala parti minn kampanja militari kontra t-terroristi tal-Ħamas li kienu qed jużaw sezzjoni tal-isptar bħala bażi.

Din il-ġimgħa, inqatlu l-għexieren tan-nies waqt l-attakki tal-qawwiet tal-ajru Iżraeljani li konċentraw fuq il-madwar ta’ dik il-faċilità tas-saħħa. Intant, l-isptar ta’ Kamal Adwan, fejn seħħet l-evakwazzjoni, hu fost l-aħħar sptarijiet li għadhom qed jiffunzjonaw fl-artijiet ta’ Gaza lejn it-Tramuntana,.

L-istaff mediku tal-isptar, waqt ir-rakkonti lill-media internazzjonali, qalu li l-militar Iżraeljan insista biex il-ħaddiema u l-pazjenti jkunu evakwati ‘fi spazju ta’ ħmistax-il minuta biss’ lejn il-bitħa tal-isptar — u bis-suldati, imbagħad, jidħlu fil-kumpless biex jikkonkludu huma l-evakwazzjoni tal-pazjenti li kien fadal.

Iżrael qed jgħid li s-suldati ħadu ħsieb is-sigurtà tal-pazjenti u ċivili waqt l-evakwazzjoni – għalkemm ma kienx magħruf fejn il-pazjenti kellhom ikunu rilokati. Ma kienx eskluż li l-pazjenti kellhom ikunu trasferiti lejn sptar ieħor fil-viċinanzi li wkoll, jiem ilu. kien suġġett għall-istess ‘proċedura ta’ sigurtà’ mill-militar Iżraeljan.

Sadanittant, it-tobba Palestinjani qed iwissu dwar il-periklu għall-pazjenti taħt il-kura intensiva li ma jistgħux jitmexxew għall-għarrieda minn post għall-ieħor mingħajr il-vetturi speċjalizzati. Dan ukoll meta l-aħħar rapporti qalu li madwar 50 Palestinjan – fosthom ħames ħaddiema tal-Isptar ta’ Kamal Adwan – inqatlu waqt is-sensiela tar-rejds tal-ajru tal-Iżraeljani fuq il-viċinanzi tal-kumpless.