Internazzjonali

Il-Korea t’Isfel: L-Aġent President ukoll spiċċa suġġett għal impeachment

Id-deputati fil-Parlament tal-Korea t’Isfel ivvutaw biex l-Aġent President Korean, Han Duck-soo, ikun ukoll suġġett għall-proċess ta’ impeachment…Dan ġimgħatejn biss wara li l-Parlament ikkonferma l-impeachment tal-President tal-Korea t’Isfel,  Yoon Suk Yeol, wara li hu falla f’attentat biex jimponi l-liġi marjzali f’pajjiżu.

Il-Prim Ministru Han kien assuma l-Presidenza wara l-impeachment tal-President Yoon u meta suppost li kellu jberred is-sitwazzjoni politika taħraq ta’ pajjiżu. Iżda l-inkwiet feġġ mill-ġdid wara li d-deputati tal-Oppożizzjoni f’Seoul qalu li Han kien qed jirrifjuta d-domandi għall-konklużjoni tal-proċess tal-impeachment fir-rigwrd ta’ Yoon Suk Yeol.

Intant, irrenja l-kaos waqt il-vot fil-Parlament….Dan meta d-deputati tal-Partit għas-Saħħa tal-Poplu fil-Gvern — u li Han u Yoon jiffurmaw parti minnu – ipprotestaw wara li l-Ispeaker tal-Assemblea Nazzjonali,  Woo Won-shik, ħabbar li kien hemm biss ħtieġa għal 151 vot biex jgħaddi l-abbozz għall-impeachment tal-Aġent President Korean.

Il-proċedura kienet tfisser li l-proċess għall-impeachment fl-Assemblea seta’ isir mingħajr ħtieġa għall-voti min-naħa tad-deputati fil-Gvern – u għall-kuntrarju tal-proċess għall-impeachment tal-President Yoon.