L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ngħaqdet mal-għaqda mhux governattiva, Puttinu Cares sabiex tinħadem għamara ġdida li se tkun qed titpoġġa fl-appartamenti l-ġodda f’Londra; appartamenti li jintużaw minn pazjenti u qraba tagħhom li jitilgħu fi sptarijiet għal kura speċjalizzata.
Din l-inizzjattiva, bl-isem ta’ Għal Puttinu mill-Qalb, se tkun qed tara numru ta’ priġunieri li se jservu bħala mastrudaxxi sabiex jaħdmu l-għamara kollha meħtieġa għal dawn l-appartamenti, fost il-kċejjen u l-kmamar tas-sodda.

Puttinu Cares fl-aħħar xhur irnexxielu jixtri binja ta’ appartamenti li finalment se tkun qed tikkonsisti f’erba’ sulari u 29 appartamenti ġodda; liema binja se tkun qed tiġi tiswa lill-għaqda mal-25 miljun ewro sabiex fl-aħħar mill-aħħar tilqa’ lill-Maltin fiha.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret f’waħda mill-half way houses, Mid-Dlam għad-Dawl, il-President ta’ Puttinu Cares, Angele Cuschieri qalet kif issa l-għaqda għandha żewġ binjiet li se jkunu qed jilqgħu fihom b’xejn lill-familji Maltin.

Apparti li din l-inizzjattiva se tkun qed tgħin finanzjarjament lil Puttinu Cares, liema flus li jkunu frankaw fuq dan il-proġett jistgħu jintużaw għall-kura u spejjeż oħra, din l-inizzjattiva se tgħin ukoll lill-priġunieri għar-rijabilitazzjoni u anke mezz kif dawn ikunu jistgħu jagħtu xi ħaġa lura lis-soċjetà, anke jekk mill-ħabs.
//= $special ?>