Lokali

L-Istrina 2024: Jinġabru €5.21 miljun b’risq il-Malta Community Chest Fund

€5.21 hija s-somma finali li nġabret b’risq il-Malta Community Chest Fund, waqt il-maratona ta’ 12-il siegħa tal-Istrina.

Il-Maltin u l-Għawdxin għal darb’oħra reġgħu wrew il-qalb kbira tagħhom, u għalhekk inġabru aktar minn 5 miljun ewro f’fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund, wara 12-il siegħa ta’ telefonati.

Kienet il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono illi rringrazzjat lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom, fl-ewwel edizzjoni tal-Istrina, taħt il-Presidenza tagħha. Sehem illi kkonferma l-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Dak li kien qed isegwi seta’ jifhem u jesperjenza dak li għaddejjin minnu dawk li huma tant fil-bżonn, li jieħdu l-kura hawn Malta u anke barra minn Malta u għalhekk kienu bosta li taw d-donazzjonijiet tagħhom.

L-istrina proprju l-għada tal-Milied hija l-ġurnata li l-maġġoranza tal-Maltin u Għawdxin iżommu fil-kalendarju tagħhom – ipoġġu quddiem it-television, isegwu u jagħtu l-kontribut tagħhom lil dawk il-persuni li għandhom bżonn ħafna u ħafna għajnuna.

Preżenti għal din il-maratona kienu l-ogħla uffiċjali tal-pajjiż, fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, flimkien ma’ bosta persuni li rċivew l-għajnuna mingħand il-Malta Community Chest Fund, u numru ta’ personalitajiet Maltin u Għawdxin.