Kien preċiż bħal-lum ħames snin, il-Ġimgħa, 27 ta’ Diċembru 2019, propju jumejn wara l-Milied – u f’xahar li kien diġà skossja lill-Maltin u Għawdxin b’dak li kien ħiereġ dwar il-qtil mafjuż ta’ Daphne – li minbarra minn pajjiżna waslet aħbar li waqqgħet għalkollox il-ftit moral li kien għad fadallu l-poplu.
L-OCCRP (Organized Crime and Corruption Reporting Project) – il-Proġett ta’ Rappurtaġġ dwar il-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni – ħabbar il-verdett tiegħu: Joseph Muscat, il-Prim Ministru ta’ Malta, hu l-Persunaġġ tas-Sena għall-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni.
Il-gazzetti Maltin, propju fl-ewwel ħarġa tagħhom wara l-waqfa tal-Milied, taw din l-aħbar kerha bi prominenza għaliex kienet sinifikanti. Kien l-akbar sinjal li Malta kienet issa misset il-qiegħ bi Prim Ministru li waqqgħalna wiċċna l-art u sabbatna f’abbiss ta’ għajb.
Kerha tabilħaqq iżda, mill-banda l-oħra, wieħed ma jistax jgħid li din ma kinetx ‘ġustizzja storika’ fi tmiem tmexxija ta’ Prim Ministru li x’aktarx ħaseb li l-id tal-ġustizzja qatt ma kienet se tilħqu.
L-ALBUM TA’ GĦAJB
Dawn huma r-rebbieħa kollha tal-Premju infami tal-AKBAR KORROTT TAS-SENA tal-OCCRP minn meta beda jingħata:
2012: Ilham Aliyev
2013: Parlament Rumen
2014: Vladimir Putin
2015: Milo Djukanovic
2016: Nicolas Maduro
2017: Rodrigo Duarte
2018: Danske Bank
2019: JOSEPH MUSCAT
2020: Jair Bdsonaro
2021: Aleksandr Lukashenko
2022: Yevgeny Prigozhin
2023: Maria Consuelo Porras