Inkitbet paġna ġdida fl-istorja tan-NASA (l-Aġenzija Spazjali tal-Istati Uniti) u l-esplorazzjoni tal-ispazju…Dan wara li inġenju ( spacecraft) tal-Aġenzija rnexxielha tasal sal-inqas distanza ‘il hinn mix-xemx u fejn baqa’ kollu kemm hu intatt.
It-tragward pjuttost intlaħaq b’sorpriża meta l-inġenju, magħruf bħala l-Parker Solar Probe, bagħat l-ewwel sinjali lix-xjenzati u wara li, għal diversi jiem, ma kien hemm l-ebda kuntatt min-naħa tiegħu.
Ix-xjenzati jirreferu għall-proċess xjentifiku li bih l-inġenju avviċina lix-xemx bħala ‘fly-by’, bil-probe, jew l-inġenju, ikun iddikjarat ‘sikur’ wara li wasal sa 6.1 miljun kilometru ‘il bogħod mix-xemx – u meta l-istrumenti tiegħu baqgħu jiffunzjonaw kif suppost.
Is-Solar Probe ħareġ sal-limitu tal-atmosfera tagħna f’Lejliet il-Milied u fejn spiċċa suġġett għal temperaturi li x-xjenzati fissruhom bħala ‘brutali’ fl-intensità tagħhom. L-inġenju anki spiċċa ‘assedjat’ minn livell inkredibbli ta’ radjazzjoni f’sitwazzjoni li għenet biex ix-xjenzati jifhmu aktar il-karatteristiċi tax-xemx.
Il-proġett kien wieħed tassew ambizzjuż, bix-xjenzati tan-NASA jistennew, b’ansjetà, għall-ewwel sinjali mill-inġenju…Dan meta proprju għada, is-Sibt, kellu jkun l-aħħar ġurnata li n-NASA setgħet tistenna għall-kuntatt qabel kellha tiddikjara l-missjoni falluta.
ll-Parker Solar Probe kien qed jivvjaġġa b’medja ta’ 692,000 kilometru fis-siegħa u skont il-websajt tan-NASA, l-inġenju daħal ukoll f’settur tal-ispazju fejn it-temperaturi jlaħħqu mad-980 gradi Celsius.
In-NASA, fl-aħħar sigħar, ħarġet stqarrija li l-istudju tax-xemx mill-aktar zona viċina qatt irreġistrata permetta biex il-Parker Solar Probe jiġbor id-data li se tgħin lix-xjenzati ħalli jifhmu aħjar kif il-materjal f’dan ir-reġjun tal-ispazju jisħon għal miljuni ta’ gradi.
Id-data tgħin ukoll biex ix-xjenzati jsegwu l-oriġini tal-hekk-imsejjaħ riħ solari – li jinvolvi kurrent kontinwu ta’ materjal li qed joħroġ mix-xemx – u b’mod li huma jiskopru kif il-partiċelli tal-enerġija jaċċelleraw sa livell ta’ ‘light speed’.
//= $special ?>