Il-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ilhom għal xhur u snin sħaħ jgħixu fl-iktar kundizzjonijiet miżeri li wieħed jista’ jimmaġina, bis-sitwazzjoni tant marret għall-agħar li wħud mill-priġunieri għażlu li jikkuntattjaw lil Net News diversi drabi biex jesprimu l-frustrazzjoni tagħhom.
Dawn il-priġunieri saħansitra għamlu għadd ta’ talbiet sabiex il-midja tagħna żżur il-binja biex naraw b’għajnejna s-sitwazzjoni li qed jgħixu fiha f’għadd ta’ divisons. Iżda, kemm il-Ministru responsabbli, Byron Camilleri u anke d-Direttur tal-Ħabs innifsu, Chris Siegersma, kellhom l-istess tweġiba eżatta – “il-ħabs mhux zoo”.
Ta’ min wieħed ifakkar li l-midja ma tistax taċċessa l-ħabs ħlief għal għadd ta’ zoni żgħar li jiġu ddettati mit-tmexxija tal-ħabs stess. U b’hekk dan ifisser li jekk xi division mhix fl-aqwa kundizzjonijiet, żgur mhux forsi li l-midja mhix se tingħata aċċess għaliha.
Sena ilu, il-Qorti kienet iddikjarat li “l-liġi ma tistax tintuża biex toħloq ostaklu bejn il-ġurnalisti u l-pubbliku,” u laqgħet talba ta’ Manuel Delia, meta insista li d-drittijiet fundamentali tiegħu nkisru meta ġie mċaħħad minn aċċess liberu għall-ħabs u ċ-ċentri ta’ detenzjoni.
Bil-Ministru Camilleri jibqa’ jinsisti li l-ħabs huwa aċċessibbli.
Intant, ma’ Net News id-Direttur tal-Ħabs saħaq illi mhux minnu li l-priġunieri qed jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena; minkejja li kemm il-priġunieri u anke l-gwardjani qalulna mod ieħor.
Net News ilu x-xhur jiżvela kummenti ta’ priġunieri li jgħidulna bis-sitwazzjoni miżera li qed ikollhom jgħixu ifha. Iżda issa mhux talli din is-sitwazzjoni marret għall-agħar …talli Siegersma spiċċa jiċħad li din is-sitwazzjoni qatt eżistiet.
Sitwazzjoni li tant spiċċat waħda tal-biki li l-unika soluzzjoni f’waqta li ttieħdet għan-nuqqas ta’ spazju għal priġunieri ġodda kienet li jdeffsu kemm jifilħu sodod f’ċelel żgħar.
B’uħud mid-divisions saħansitra qed iżommu mas-16-il priġunier f’ċella waħda. Xi ħaġa li kkonfermaha Siegersma nnifsu.
Informazzjoni li waslet għand Net News tikkonferma kif uħud mill-priġunieri f’xi divisions qed jgħixu – 16-il sodda f’ċella waħda, toilet u sink wieħed biex iservu lil dawn in-nies kollha, u ċelel bla ebda ventilazzjoni ta’ xejn tant li issa sar anke perspex mal-kanċel.
Dan apparti kanal tad-dranaġġ li għaddej minn nofs ta’ ċelel, bil-priġunieri jkollhom iqattgħu mat-23 siegħa msakkrin ġewwa f’riħa insapportabbli ta’ drenaġġ.
//= $special ?>