L-avukat Jason Azzopardi talab sabiex tinfetaħ inkjesta Maġisterjali ħalli tinvestiga lill-Ministru ta’ Għawdex Clint Camilleri, din id-darba fuq triq f’Għawdex li qabżet l-budget allokat b’€10.5 miljun.
Azzopardi sostna li Clint Camilleri, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru John Borg u ż-żewġ periti involuti, ħadmu flimkien sabiex jgħollu u jamplifikaw l-ispejjeż tax-xogħlijiet fit-toroq – b’dawk involuti allegatament spiċċaw ħadu fondi pubbliċi u użawhom b’mod skorrett għal xogħlijiet privati mhux awtorizzati. Fatt li ġie żvelat aktar kmieni dan ix-xahar mill-gazzetta ‘il-mument’.
Minbarra investigazzjoni fuq Clint Camilleri, Azzopardi talab ukoll lill-Qrati biex jinvestigaw lis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru ta’ Għawdex John Borg flimkien ma’ Andrew Ellul u Godwin Agius, żewġ periti involuti fil-proġett.
L-avukat Jason Azzopardi qed jitlob ukoll lill-Maġistrat biex jinvestiga lil Camilleri u lit-tlieta l-oħra għal ħasil ta’ flus.
Min naħa tagħha ‘The Shift News’ irraportat li l-kuntratturi responsabbli mix-xogħlijiet fit-toroq wettqu xogħol privat illegali fuq art maġenb din it-triq – bid-ditta ta’ Godwin Agius, wieħed mill-Periti involuti, irċeviet ‘il fuq minn €700,000 mill-proġett tat-Triq.
Net News kien ukoll irraporta kif l-Awditur Ġenerali osserva ż-żieda eżorbitanti fil-ħlasijiet finali, bir-rapport tal-NAO ħareġ kif il-Gvern daħal fi tliet kuntratti għal dan il-proġett li inizjalment kellu jiswa’ €8 miljun. Bl-ewwel kuntratt kien ta’ €1.8 miljun.
Wara, sar kuntratt ieħor ta’ €9.3 miljun… u fl-aħħar €6.7 miljun oħra li koprew ix-xogħlijiet li kien fadal; xogħlijiet li ma sarux fil-ħin previst minħabba nuqqas ta’ ppjanar.
Barra minn hekk l-avukat Azzopardi talab lill-maġistrat biex jikkonfiska l-mowbajls ta’ dawk allegatament involuti sabiex jippreserva l-provi qabel ma jintilef kollox.