Kienu mumenti li qajmu kommosjoni sħiħa dawk li żviluppaw f’Ħaż-Żabbar, meta raġel saq bi żball għal fuq numru ta’ persuni fil-misraħ ta’ Ħaż-Żabbar – propju fejn jarma l-monti.
Is-sewwieq kien raġel anzjan ta’ 79 sena. U jidher li fl-inċident – li seħħ ftit wara d-9am – ġew feruti sitt persuni.
Apparti minn hekk, diversi bankarelli tal-monti inqalbu u nħoloq kaos sħiħ f’nofs din il-pjazza; b’kaxxi maqlubin u ħadid imkisser kompletament kaġun tal-impatt.
Fil-post waslu Pulizija, membri tas-CPD, kif ukoll nurmu ta’ ambulanzi li ħadu li taw l-ewwel għajnuna lil 3 persuni fil-post filwaqt li ħadu lil 6 persuni l-Isptar Mater Dei għal aktar kura fejn jidher li mara ta’ 84 sena ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi filwaqt li tlett nisa ta’ 39, 66 u 77 sena flimkien ma’ żewġt irġiel ta’ 36 u 81 sena ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief.
Il-persuni huma kollha residenti Ħaż Żabbar.
Il-misraħ huwa post li jkun frekwentat minn ħafna nies kull nhar ta’ Sibt filgħodu, u tul is-snin baqa’ ċentru ta’ attività soċjali u kummerċjali f’Ħaż-Żabbar.
Intant, il-Pulizija stess ikkonfermaw li l-anzjan saq għal fuq in-nies għaliex għafas il-gass minflok il-brake.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejin. Dan filwaqt li l-anzjan ittieħed l-Isptar fejn ġie ċċertifikat li ma sofra l-ebda ġrieħi.
//= $special ?>