Tagħti kuntratt ta’ eluf lis-sieħeb, jikkundannak il-Kummissarju tal-Istandards, tirreżenja minn Ministru darbtejn, biex issa ngħatat xogħol ta’ kunsulent mal-Gvern.
Mal-lista twila ta’ nies li ngħataw xogħol mal-Gvern, issa żdiedet l-eks Ministru Laburista Justyne Caruana – li issa, hija advisor mal-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana ta’ Malta għal 12-il xahar. B’paga ta’ €78,000.
Matul il-ġurnata tas-Sibt ġie żvelat kif, l-eks Ministru Justyne Caruana ingħatat kuntratt ta’ 12-il xahar għal €78,000 sabiex tagħmel xogħol ta’ konsulent għal 30 siegħa fil-ġimgħa, li f’kelma oħra tfisser li ħadet €50 fis-siegħa.
Fl-2021, Caruana rreżenjat minn Ministru għall-Edukazzjoni wara li l-Kummissarju tal-Istandards sab li kisret l-kodiċi tal-etika wara li tat kuntratt ta’ €5,000 fix-xahar lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovic.
Bogdanovic kellu jħejji studju fir-rigward tal-curriculum tal-Iskola Nazzjonali għall-Isport – li għalih kien se jitħallas €15,000, iżda l-Kummissarju tal-Istandards sab li dan il-footballer ma kellux il-kwalifiċi sabiex jagħmel dan, fejn sab ukoll li – dak iż-żmien il-Ministru Caruana, kienet kisret il-kodiċi tal-etika.
U minkejja, li Robert Abela ma ħa l-ebda azzjoni fil-konfront ta’ Justyne Caruana, hija ppreżentat ir-reżenja tagħha f’Diċembru tal-2021.
Din kienet it-tieni reżenja ta’ Justyne Caruana, hekk kif f’Jannar tal-2020 kienet irreżenjat minn Ministru għal Għawdex wara li ġew żvelati rabtiet mill-qrib bejn żewġha, l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta u Yorgen Fenech, in-negozjant implikat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-eks Ministru Justyne Caruana kienet sparixxiet mix-xena politika għal xi żmien, iżda fl-ewwel ta’ Diċembru ta’ din is-sena, tfaċċat f’attività politika tal-Labour f’Għawdex – b’Robert Abela jirringrazzja lil Caruana għax-xogħol li għamlet.
U issa, wara dan kollu, Justyne Caruana ngħatat kuntratt ta’ 12-il xahar bħala advisor tal-Gvern, kuntratt li se jkun qed iħalli f’butha, wara kollox mit-taxxi tal-poplu Malti, €78,000.
Intant, b’reazzjoni għal dan, il-Partit Nazzjonalista spjega kif taħt Gvern Laburista il-pajjiż qed jesperjenza skandlu wara skandlu, b’dawn il-ħniżrijiet jidhru li se jibqgħu jikkaratterizzaw it-tmexxija ta’ Robert Abela, sabiex jikkuntenta u jixtri lil Justyne Caruana, u nies oħra bħalha.
//= $special ?>