Il-ferħ veru jiġi mill-imħabba, ir-rispett, u l-maħfra ta’ xulxin.
Dan kien il-messaġġ li wassal l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma f’Jum il-Milied, meta ndirizza lin-nies li nġabru għall-funzjoni li saret fil-Bażilika ta’ San Ġorġ.
Monsinjur Teuma tkellem ukoll dwar illi fatt li bħala soċjetà “m’aħniex kuntenti bina nfusna, u ma naċċettawx lilna nfusna”. Bl-Isqof jinnota li sirna biss inħarsu madwarna u nimmaġinaw li ħaddieħor aħjar minna, isbaħ minna, iktar importanti minna. “U dan iġibna li ma nkunux kuntenti bina nfusna”, stqarr Monsinjur Anton Teuma.
L-Isqof t’Għawdex imbgħad għamel referenza għal sitwazzjoni oħra fil-ħajja tagħna: meta ħafna drabi, mhux dejjem naċċettaw ir-realtà.
“Kemm jiġrilna aħna li naqilgħu nkwiet fuq inkwiet, inkabbru l-inkwiet, għax insibuha bi tqila biex naċċettaw ir-realtà tagħna!”, stqarr Monsinjur Teuma fl-omelija tiegħu.
Fuq kollox, sostna l-Isqof t’Għawdex, dan iż-żmien ta’ festi jgħallimna li jekk aħna rridu li l-ferħ ta’ Ġesù jmiss il-profondità ta’ qalbna, irridu nfittxu d-dawl tal-Kelma Tiegħu.
//= $special ?>