Wara li l-Kummissarju tal-Films Johann Grech akkuża lil dawk li jikkritikaw ir-rebates li jagħti l-Gvern għall-films li qed jattakkaw lil Malta, issa spiċċa attakkat hu stess minn min l-iktar li gawda minn dawn ir-rebates permezz ta’ somma rekord ta’ mill-inqas €47 miljun f’fondi mit-taxxi tal-poplu Malti.
Fil-fatt Johann Grech issa spiċċa umiljat mid-direttur tal-films Ridley Scott li dderieġa l-film Gladiator 2 f’Malta, u li gawda minn din is-somma rekord, meta Scott qal f’intervista li ma jirrakkomanda lil ħadd li jżur lil Malta għal btala.
Dan intqal minn stqarrija tal-PN miktuba mix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura, Julie Zahra fejn kompliet tgħid li agħar minn hekk, l-istess Kummissarju tal-Films iċċensura kliem Ridley Scott u waqt li tella’ l-intervista fuq Facebook ma staħax jimmanipula dak li qal verament id-Direttur ta’ Gladiator biex juża biss dak li jaqbel lilu, waqt li qata’ barra d-dikjarazzjoni tad-direttur famuż tal-films li ma jagħti parir lil ħadd biex iżur Malta għal vaganza.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-pożizzjoni tal-Kummissarju tal-Films m’għadhiex tenibbli u filwaqt li Johann Grech tilef kull kredibbiltà, pajjiżna għandu bżonn industrija tal-films li tassew sservi lil Malta, u mhux l-ego personali tal-Kummissarju li suppost imexxi din l-industrija.
Għaldaqstant, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech għandu jwarrab minnufih biex l-industrija tal-films tassew tilħaq il-potenzjal veru tagħha u tkun tista’ tiffoka wkoll fuq it-talent lokali waqt li tappoġġja lill-produtturi Maltin tal-films fl-inizjattivi tagħhom.
Il-PN ifakkar kif waqt li nesa għalkollox lill-produtturi Maltin, Johann Grech jaqla’ salarju ta’ aktar minn €12,500 fix-xahar wara li kien żied il-paga tiegħu għal €150,000 fis-sena, li huwa l-ekwivalenti ta’ sitt darbiet il-paga medja ta’ ħaddiem Malti fis-sena.
Infakkru wkoll kif l-istess Johann Grech ilu jberbaq flus mill-fondi pubbliċi kif jaqbel lilu, fost l-oħrajn f’reklami għalih innifsu, u f’dik li mhi xejn ħlief serqa fil-wiċċ mit-taxxi tal-poplu sempliċiment għal ego trip iffinanzjat minn flus il-poplu.
Sadanittant, waqt li qed jiġri dan kollu, jispikka s-skiet li jtarrax min-naħa tal-Ministru Owen Bonnici li wara r-riżenja ta’ Clayton Bartolo, issa l-industrija tal-films – u allura l-Kummissarju tal-Films – għaddew taħt it-tmexxija tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista kien minn tal-ewwel li saħaq fuq il-ħtieġa li jingħataw aktar fondi lill-produtturi Maltin biex ikunu jistgħu jaħdmu f’din l-industrija tant importanti għal pajjiżna u biex ikunu jistgħu joħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja, li jiggarantixxu x-xogħol għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha li jaħdmu f’din l-industrija.
Filwaqt li dejjem tkellem favur il-cash rebate, il-PN dejjem insista wkoll li jkun hemm capping biex ikun żgurat li ma jiġrix dak li fil-fatt ġara, b’film wieħed kbir jieħu dawk il-miljuni kollha li spiċċaw barra mill-ekonomija ta’ pajjiżna. Il-PN dejjem tkellem ukoll dwar il-co-production funding biex il-produtturi u l-ħaddiema f’dan is-settur ikunu wkoll fuq level playing field mal-barranin.
//= $special ?>