Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech flimkien mas-Sinjura AnneMarie sellmu l-memorja ta’ Karin Grech li 47 sena ilu svat vittma ta’ ittra bomba.
Karin Grech kienet inqatlet fl-età ta’ 15-il sena meta marret tiftaħ pakkett b’wrapping tal-Milied li tħalla wara l-bieb tad-dar tagħha f’San Ġwann, bil-bomba tisplodi f’wiċċha. Hi kienet mietet ftit tal-ħin wara li ttieħdet l-Isptar San Luqa.
L-ittra bomba kienet indirizzata lil missierha, it-tabib Edwin Grech. Wara dawn is-snin kollha, id-delitt ta’ din it-tfajla għadu mhux solvut, tant li ħadd għadu ma tressaq il-Qorti; għalkemm Edwin Grech kien qal illi hu jissuspetta li aktarx il-bomba kienet ippjanata minn numru ta’ studenti li kienu qed jistudjaw il-mediċina fl-Università.
Karin Grech tiġi l-kuġina ta’ Bernard Grech u b’hekk ma setgħax jonqos li żar il-qabar tagħha. Huwa nsista li jeħtieġ li ssir magħrufa l-verità u dawk li wettqu dan l-att barbaru jiffaċjaw il-ġustizzja. B’hekk biss ikun jista’ jingħalaq dan il-kapitlu fl-istorja politika ta’ Malta.
Ħuha, Kevin Grech li dak iż-żmien kellu biss 10 snin meta ra b’għajnejh lil oħtu tinqatel, kien insista li għandu jkun hemm inkjesta maġisterjali għaddejja sabiex jinkixef min kien verament il-moħħ wara dan il-qtil brutali għaliex din l-istorja għadha kapitlu miftuħ sal-ġurnata tal-lum – u kemm il-familja Grech u anke l-Maltin kollha jixraqilhom li ssir ġustizzja.



