Taħt il-Labour, skandlu wara skandlu.
Wasalna biex nagħlqu s-sena u ma jistgħux jieqfu jitħanżru.
Mas-sensiela ta’ skandli ta’ tberbiq bl-addoċċ ta’ flus il-poplu minn Robert Abela u l-Ministri tiegħu, issa kien imiss lil Justyne Caruana – l-eks Ministru li kellha tirriżenja darbtejn – li tingħata direct order ieħor.
Fil-Gazzetta tal-Gvern fi żmien il-festi tal-Milied, ġiet ippublikata nota li Justyne Caruana qed tieħu €78,000 fis-sena mit-taxxi tal-poplu għal 30 siegħa xogħol fil-ġimgħa u titħallas b’rata ta’ €50 fis-siegħa. Skont l-avviż ippublikat nhar il-Ġimgħa, Justyne Caruana ilha tieħu dawn l-għexieren ta’ eluf minn Lulju!
Mhux magħruf minn fejn taħdem, x’tagħmel u jekk tmurx għax-xogħol xi mkien. Lanqas mhu magħruf fuq liema kriterji intgħażlet hi u mhux ħaddieħor. Id-direct order ingħata mill-Ministeru ta’ Clyde Caruana li taħtu bħala Ministru tal-Finanzi, il-pajjiż laħaq rekord ta’ dejn. Skont l-avviż ippubblikat, Justyne Caruana qed tagħti pariri lill-Ministru dwar kif jiġbor iktar taxxa.
Justyne Caruana kellha tirriżenja darbtejn minn Ministru fuq skandli differenti. F’Jannar 2020, hi rriżenjat mill-kariga ta’ Ministru għal Għawdex wara li kien żvelat li l-eks raġel tagħha Silvio Valletta kien qrib ħafna ma’ Yorgen Fenech, li huwa akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Minkejja dan, hi reġgħet sabet ruħha fil-Kabinett bħala Ministru għall-Edukazzjoni sakemm f’Diċembru 2021, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kien sab li Justyne Caruana kienet kisret il-Kodiċi tal-Etika meta tat kuntratt ta’ €15,000 lill-ħabib tagħha Daniel Bogdanovic minkejja li dan ma kellu l-ebda kwalifiki.
Dan l-iskandlu jiżdied mal-lista twila ta’ każijiet ta’ abbużi ta’ poter, korruzzjoni u ħasil ta’ flus. Wara l-iskandli ta’ Rosianne Cutajar u Amanda Muscat, il-mara tal-eks Ministru Clayton Bartolo, li nqabdu li ħadu flus mit-taxxi tal-poplu b’mod frawdolenti u irregolari, Robert Abela ma tgħallem xejn.
Dak li saħqet Rosianne Cutajar li “kulħadd jitħanżer” sar l-ordni tal-ġurnata għall-Gvern Laburista.
Dan il-każ juri li Robert Abela saħanistra lil dawk li m’għadhomx meqjusa fiċ-ċirku intern tiegħu qed jaġevola, u wara li Justyne Caruana ġiet imwarrba darbtejn issa jidher li qed jipprova jixtriha lura b’dan il-kuntratt li kif kien żvelat illum, huwa back-dated għal Lulju ta’ din is-sena.
Ftit tal-ġimgħat ilu l-istess Abela implika li qed jagħmel minn kollox biex iġib lil Caruana lura meta laqagħha pubblikament waqt attività politika tal-Labour f’Għawdex u fost il-kliem ta’ tifħir għall-eks Ministru, qalilha li jemmen li l-pajjiż għad għandu bżonnha.
Il-ħniżrijiet kienu u jidher li se jibqgħu jikkaratterizzaw it-tmexxija ta’ pajjiżna taħt Robert Abela. Din hi korruzzjoni istituzzjonalizzata.
Tħanżir biss, tħanżir spiss.
//= $special ?>