Lokali Qorti

Akkużati li importaw id-droga

Ritratt: Catriel Farrugia

Tliet żgħażagħ inżammu arrestati fuq deċiżjoni tal-Qorti wara li qed jiġu akkużati b’importazzjoni u traffikar tad-droga.

Bulgaru u żewġ Maċedonjani kienu ġew arrestati l-Ġimgħa akkużati li waslilhom pakkett min barra li kien fih żewġ kilogrammi droga suspettata kannabis b’valur li jaqbeż il-€15,000.

Instabu wkoll qratas li huma suspettati kokaina u numru ta’ affarijiet oħra relatati ma’ importazzjoni ta’ droga.

Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, l-Avukat tal-imputati talab għall-ħelsien mill-arrest f’isem iż-żewġ Maċedonjani, Bojan Veljanoski u Daniel Mackinovski għaliex għandhom indirizz fiss u b’hekk id-depożitu jista’ jitħallas.

Iżda, il-prosekuzzjoni argumentat li mhux minnu li kellhom indirizz fiss u li kienu ilhom Malta għal inqas minn tliet xhur.

L-Avukat tal-Bulgaru Ivan Georgiev Invaov argumenta li hu kien jgħix Malta għal aktar minn 10 snin u kellu indirizz fiss, u li hu student f’kulleġġ postsekondarju f’Malta.

Qal ukoll li għandu rekord kriminali nadif u allega li spiċċa f’din is-sitwazzjoni għaliex iż-żewġ Maċedonjani kienu qed isawtuh u jisfurzawh jagħmel l-affarijiet kontra r-rieda tiegħu.

Il-Qorti eventwalment rrifjutat it-talba tal-ħelsien mill-arrest, u laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex toħroġ mandat ta’ ffriżar kontra t-tlett irġiel.

L-Avukat Ġenerali, Maria Francesca Spiteri u l-Ispettur Jonathan Pace mexxew l-prosekuzzjoni, u l-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għal Veljanoski u Mackinovski filwaqt li l-avukat Albert Zerafa deher għal Ivanov.