Net News jista’ jiżvela li priġunier ieħor prova jieħu ħajtu b’idejh fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Sorsi li tkellmu magħna qalulna li l-priġunier, li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa, kien jinsab f’Dormitorju 1 meta seħħ l-attentat ta’ suwiċidju.
Jidher li l-priġunier, minflok ingħata l-għajnuna meħtieġa mit-tmexxija tal-ħabs, intefa’ fis-sitt livell f’kamra tal-iżolament. U kienu propju l-priġunieri stess li waqqfu dan l-attentat ta’ suwiċidju milli jkompli jsir.
Kien hawnhekk fejn il-priġunier ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn bħalissa qed jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Dan l-attentat ta’ suwiċidju huwa t-tieni wieħed taħt it-tmexxija tad-Direttur tal-Ħabs attwali, Chris Siegersma, bil-priġunier Keith Gravina ta’ 42 sena jkun l-ewwel vittma – u jitlef ħajtu ħames xhur wara l-attentat.
U dan apparti li taħt Siegersma kien hemm it-tieni vittma – Jesmond Gatt. B’Siegersma jdum ma’ tliet xhur jaħbi dak li issa nafu li huwa qtil… meta hu kien iżomm dan il-każ bħala sempliċiment inċident sfortunat. Bil-midja tikxef il-gidba ta’ Siegersma u tiżvela li dan kien qtil.
Is-saga tal-imwiet fil-ħabs ilha għaddejja s-snin, bit-tmexxija ta’ Alex Dalli tħalli mal-14-il priġunier mejjet fi tliet snin biss; kollha fil-Faċilità ta’ Kordin bejn l-2018 u l-2021.
B’Siegersma li kien l-ewwel Welfare Commissioner għall-Ħabs taħt id-Direttur ta’ dak iż-żmien, Alex Dalli.
Minkejja l-esperjenza li għandu fis-settur tas-saħħa mentali, f’sena ta’ tmexxija ta’ Siegersma provaw iwettqu suwiċidju żewġ priġunieri.
Net News ilu għal dawn l-aħħar xhur jiżvela informazzjoni minn ġewwa l-ħabs dwar is-sitwazzjoni tal-biki li l-priġunieri qed jgħixu fiha – bi ġrieden jiġru qalb il-priġunieri, ħmieġ li ilu jinġema’ għal ġimgħat jekk mhux xhur sħaħ, dranaġġ għaddej minn nofs iċ-ċelel, nuqqas ta’ ventilazzjoni u nuqqas ta’ privatezza, u nuqqas kbir ta’ spazju, u kull nuqqas ieħor li tista’ timmaġina.
//= $special ?>