Lokali

FIS-SENA 2024: Mat-13-il miljun view fuq il-paġna tagħna ta’ Facebook

Is-sena li waslet biex tintemm kienet sena ta’ suċċess għall-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Net Television, partikolarment għall-pjattaformi tagħna online li komplew jissaħħu b’mod konsistenti. Bin-numri għall-2024 juru li fuq Facebook biss il-kontenut tagħna kellu 13-il miljun view – li jfisser żieda sostanzjali fuq is-sena ta’ qabel.

Bħala ammont ta’ nies illi ilħaqna fuq Facebook, dawn qabżu is-645,000. Hawn ukoll, kellna żieda ta’ 23.5% fuq l-2023.

F’Diċembru waħdu, kellna diversi stejjer li ġibdu attenzjoni partikolari. Fost dawn, l-intervista mat-tabib li salva lin-nies fit-traġedja ta’ Ħaż-Żabbar, l-istorja ta’ Ridley Scott, ir-rapport dwar it-tifel li miet fil-Christmas Market tal-Ġermanja, l-iskandlu tal-irmiġġi li fih hemm imdaħħal Clint Camilleri, u l-istorja pożittiva marbuta ma’ Chris Bonello li rnexxielu joħroġ mill-ITU.

Id-data titfa’ dawl anke fuq il-profil tan-nies li jesgwu Net News fuq Facebook; bil-maġġoranza tagħhom għandhom taħt l-44 sena. Dan filwaqt illi l-aktar li jinqara l-kontenut fuq dawn il-pjattaformi tal-media soċjali huwa kmieni filgħodu, u filgħaxija wara d-9pm.

Ir-riżultat meħuda minn Facebook jikkonfermaw li żdiedu mhux biss il-views u r-reach, iżda anke l-visits u l-ammont ta’ followers.

Fl-2024, Net News saħħaħ ukoll il-kontenut li joffri kemm fuq Instagram kif ukoll fuq TikTok. Dan hekk kif introduċejna l-proġett imsejjaħ ‘Flicks’ illi permezz tagħhom inwasslu Reels b’kontenut mill-aħbarijiet, iżda spjegat f’inqas minn minuta.

Apparti minn hekk, Net News baqa’ joffri l-aqwa kontenut għat-televiżjoni, bi programmi maratona kull darba li kien qed iseħħ avveniment maġġuri – mhux biss lokalment iżda anke fuq livell internazzjonali. Dan biex ma nsemmux ukoll li Net TV żamm postu bħala l-aktar stazzjon privat segwit f’pajjiżna, għal żewġ surveys konsekuttivi.