Internazzjonali

Il-Ġorġja:  Tinsisti li postha, bħala President, qed jingħata lil suċċessur illeġittimu

Il-President tal-Ġorġja, Salome Zourabichvili qed tirrifjuta li twarrab uffiċjalment mill-Presidenza fost l-insistenza li hi biss tista’ taqdi dan ir-rwol b’mod leġittimu…Dan waqt li eluf ta’ Ġorġjani qed jipprotestaw fi Tbilisi wara l-inawgurazzjoni tal-President ġdid, Mikheil Kavelashvili, li hu alleat mal-Partit għall-Ħolma Ġorġjana li ilu jmexxi lill-pajjiż għal diversi snin.

Kavelashvili  hu eks-plejer tal-futbol li għamel żmien fuq il-kotba tal-klabb Ingliż Manchester City. Intant, hu ilu jippromwovi politika kontra l-Punent u l-ħatra tiegħu bħala President saret uffiċjali fi żmien ta’ taqlib politiku kbir għall-Ġorġjani. Dan ukoll meta l-poplu jinsab irrabjat għall-Gvern li, ġimgħat ilu, issospenda l-applikazzjoni tal-Ġorġja biex, ‘il quddiem, tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

Il-Partit għall-Ħolma Ġorġjana kien rebaħ l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ottubru li għadda iżda l-proċess kien imtappan bl-akkużi numerużi dwar frodi u manipulazzjoni  tal-votazzjoni mill-attivisti u uffiċjali tal-partit fil-Gvern.

Sitwazzjoni li ilha minn dakinar tixpruna d-dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern fit-toroq ta’ Tbilisi u bliet oħrajn tal-pajjiż —  u fejn il-pulizija qed jużaw l-aktar miżuri ħorox u brutali kontra d-dimostranti.

Meta kellmet lill-folol miġburin barra l-Palazz fi Tbilisi, Salome Zourabichvili qalet qed tkun kostretta li titlaq mir-residenza tal-Presidenza iżda, fl-istess ħin, enfasizzat li postha se jimtela minn ‘President illeġittimu’. Hi sostniet li l-bini tal-Presidenza jista’ ikun biss simbolu għll-poplu dment li l-pajjiż ikollu President li jkun ħaqqu tassew li jokkupa dan ir-rwol.

Id-diskors tagħha sar meta  Kavelashvili kien qed jingħata l-ġurament waqt ċerimonja fil-Parlment li saret wara bibien magħluqa. Għall-proċess tal-inawgurazzjoni kien hemm preżenti l-qraba tal-President ġdid flimkien mal-Prim Ministru Ġorġjan, Irakli Kobakhidze.