Lokali

Jingħata bidu għal Ġublew tat-Tama tas-sena 2025 f’Malta

Uffiċjalment jiftaħ il-Ġublew tat-Tama tas-sena 2025 f’Malta, bl-Arċisqof Charles J. Scicluna jgħati bidu bit-talba tal-Ġublew fil-grotta ta’ San Pawl, fir-Rabat.

Din l-attività ssegwi l-ftuħ uffiċjali tas-sena li saret mill-Papa Franġisku f’Lejliet il-Milied meta fetaħ il-Bieb Imqaddes fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, fejn il-Papa ċċelebra quddiesa.

Hekk kif saret it-talba mill-Arċisqof Scicluna… mill-ewwel ingħata bidu għal din iċ-ċelebrazzjoni b’Charles Scicluna isellem lill-ġemgħa filwaqt li qara anke silta mill-Evanġelju.

Dan apparti li nqrat ukoll silta mill-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew tat-Tama li ġġib l-isem ta’ “It-Tama ma Tqarraqx” – anke minħabba l-fatt li t-tema ta’ dan il-Ġublew ser tkun it-tama.

Propju imbagħad beda l-pellegrinaġġ mill-Bażilika Minuri ta’ San Pawl sa lejn il-Katidral tal-Imdina. Dan fil-preżenza ta’ bosta saċerdoti flimkien mal-Isqof Awżirjarju Joseph Galea-Curmi u l-Arċisqof innifsu, Scicluna.

Dan fost folla sabiħa ta’ nies mixja b’solennità ta’ talb bix-xemgħat li jirrapreżentaw il-preżenza qaddisa.

Imbagħad il-pellegrinaġġ wasal sal-Katidral tal-Imdina fejn hemm bdiet il-Quddiesa kkonċelebrata mill-Arċisqof Scicluna.

Hu semma kif għandna grazzja tassew li għandna ċ-ċans li nissejħu ulied Alla – Alla li hu mimli tama, ferħ u paċi.

Dan il-jum importanti jaħbat mal-Festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi. B’hekk, ukoll, l-involviment tal-familji u l-koppji fl-istess jum tant importanti għall-Knisja Kattolika f’Malta.