Il-Gvern Taljan qed jieħu l-passi kollha politiċi u diplomatiċi biex tinħeles ġurnalista li ilha aktar minn ġimgħa miżmuma taħt arrest fl-Iran….Dan ukoll meta r-reġim Iżlamiku f’Tehran ma ta l-ebda raġuni uffiċjali għal din id-detenzjoni.
Il-każ tal-ġurnalista, Cecila Sala, sar ‘kawża nazzjonali’ li qed tingħata prominenza kbira mill-media Taljana – u bil-Ministru Taljan għad-Difiża, Guido Crosetto, jinsisti li l-arrest tagħha hu xi ħaġa inaċċettabbli għal pajjiżu.
Cecilia Sala hi impjegata mal-gazzetta Il Foglio u meta anki tipprepara l-artikli għall-kumpannija tal-podcast Chora Media.
Intant, il-Ministeru Taljan għall-Affarijiet Barranin qed isegwi bl-akbar attenzjoni l-iżviluppi relatati ma’ din il-ġurnalista li l-pulizija f’Tehran kienu żammewha taħt arrest fid-19 ta’ Diċembru….Arrest li ma kellha l-ebda konferma immedjata min-naħa tal-uffiċjali Iranjani.
Il-kelliema għal Chora Media qalu li Sala, ‘bħalissa’, qed tinżamm waħedha f’ċella fil-kumpless tal-ħabs ta’ Evin, f’Tehran.
Fl-istess ħin, Paola Amadeim, bħala l-Ambaxxatur Taljan f’Tehran, żaret lil Sala biex tara l-kundizzjonijiet li hi qed tinżamm fihom u fost rapporti li l-ġurnalista ingħatat il-permess għal żewġ telefonati ‘biss’ lil familtha.
Sadanittant, l-Italja kienet qed tikkonsulta kontinwament mal-awtoritajiet Iranjani biex tiċċara s-sitwazzjoni legali ta’ Cecilia Sala.
Il-ġurnalista, fit-12 ta’ Diċembru, kienet ivvjaġġat b’visa valida minn Ruma għall-Iran fejn wettqet numru ta’ intervisti għall-episodji li hi produċiet għall-podcast tagħha. Hi kellha tirritorna l-Italja fl-20 ta’ Diċembru iżda l-kuntatti magħha waqfu proprju f’lejliet din id-data.
Intant, hu magħruf li fil-jiem ta’ qabel l-arrest, Sala kienet attiva ħafna fuq il-media soċjali fejn bagħtet l-informazzjoni relatata mal-intervisti tagħha flimkien ma’ ritratti dwar il-ħajja ġenerali f’Tehran.
Fl-istess ħin, Il Foglio qed tgħid li Cecilia Sala kienet qed tirrapporta minn pajjiż li tħobb personalment iżda li jinsab f’morsa ta’ ripressjoni…L-istqarrija kompliet li l-ebda Gvern jew individwu ma jista’ iqis il-ġurnaliżmu bħala ‘xi forma ta’ reat’.
//= $special ?>