Liverpool komplew jimpressjonaw fl-ewwel post tal-klassifika b’rebħa kbira barra minn darhom għand West Ham bl-iskor ta’ 5-0. Huma saħħew posthom fl-ewwel post b’45 punt, 8 punti fuq Nottingham Forest. Il-gowls ta’ Liverpool waslu minn ħames skorers differenti li jkompli juri kemm Arne Slot għandu attakk b’saħħtu. Huma fetħu l-iskor minn Luis Diaz man-nofs siegħa logħob, b’Coy Gakpo jirdoppjaw għaxar minuti wara. Mohammed Salah għamilhom tlieta qabel tmiem l-ewwel taqsima, bi Trent Alexander Arnold u Diogo Jota jagħmluhom 5-0.
Fil-King Power Stadium Manchester City finalment irritornaw għar-rebħ wara serje ta’ riżultati negattivi b’rebħa ta’ 2-0 fuq Leicester City. Dan kien xi ftit tan-nifs għat-tim immexxi minn Pep Guardiola bir-rebħa ttellagħhom fil-ħames post b’31 punt. Min-naħa l-oħra tasal telfa oħra għal Leicester ta’ Ruud Van Nistelrooy liema telfa tħallihom fit-18-il post b’14-il punt. Manchester City fetħu l-iskor fl-20 minuta meta kien Savinho li approfitta mid-difiża ta’ Leicester u xeħet wara Stolarczyk għal 1-0, għall-ewwel gowl tiegħu ma’ Manchester City fil-Premier League.
It-tieni gowl ta’ Manchester City wasal fl-74 minuta meta minn cross ta’ Savinho din id-darba kien l-attakkant prolifiku Erling Haaland li bir-ras kkonkluda fix-xibka għal riżultat finali ta’ 2-0. Fit-Tottenham Hotspur Stadium Tottenham u Wolves temmew fi draw ta’ 2-2. Wolves ħadu l-vantaġġ kmieni fil-partita proprju fis-7 minutaa meta kien Rayan Ait-Nouri li sab lil Hwang Hee-chan li tefa’ wara Forster għal 1-0.
Ħames minuti wara Tottenham kisbu d-draw minn Rodrigo Bentancur fuq pass ta’ Pedro Porro. Tottenham setgħu marru fil-vantaġġ minn penalty ta’ Heung-min Son li kien salvat mill-goalkeeper Jose Sa. Minkejja dan Brennan Johnson tefagħhom fil-vantaġġ fi tmiem l-ewwel taqsima. Hekk kif Tottenham ħasbu li se jirbħu l-partita Wolves kisbu l-gowl tad-draw minn Jorgen Strand Larsen għal skor finali ta’ 2-2.
F’Selhurst Park, Crystal Palace kisbu rebħa importanti fuq Southampton bl-iskor ta’ 2-1 liema rebħa tellgħathom fil-15-il post tal-klassifika b’20 punt, b’Southampton jibqgħu fl-aħħar post b’6 punti.
Kienu Southampton li marru fil-vantaġġ minn Tyler Dibling, bi Trevoh Chalobah iġib id-draw fil-31 minuta. Il-gowl tar-rebħa għal Crystal Palace wasal fit-52 minuta b’gowl tal-attakkant Ingliż Eberechi Eze.
Nottingham Forest baqgħu għaddejin bit-ritmu impressjonanti u telgħu fit-tieni post tal-klassifika b’rebħa ta’ 2-0 barra minn darhom għand Everton. Nottingham Forest telgħu fit-tieni post b’37 punt biex qabżu lil Arsenal, b’partita aktar. Nottingham Forest marru fil-vantaġġ minn Chris Wood fuq pass ta’ Anthony Elanga b’gowl mill-isbaħ. Forest prattikament issiġillaw ir-rebħa fil-61 minuta meta Chris Wood sab lill-captain Morgan Gibbs-White li kkonkluda fix-xibka.
Illum: Leicester v Man City 0-2, C’Palace v S’Hampton 2-1, Everton v Nott Forest 0-2, Fulham v B’Mouth 2-2, Tottenham v Wolves 2-2, West Ham v Liverpool 0-5
Għada: Aston Villa v Brighton 8.45pm, Ipswich T. v Chelsea 8.45pm, Man Utd v Newcastle 9.00pm