Ir-ritratt. Mezz ta’ komunikazzjoni mill-aktar b’saħħtu. Jiffriża il-mument. Jaqbad l-azzjoni. Jitrażmetti memorja.
U fl-2024, ma konniex neqsin minn ritratti mill-isbaħ, li ħafna minnhom, fihom infushom, jirrakkontaw storja.
Forsi l-aktar ritratt kontroversjali ta’ din is-sena jibqa’ dak meħud miċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi.
Ritratt, li meta tarah, ifakkrek fl-Aħħar Ċena ta’ Leonardo Da Vinci. U għalkemm l-organizzaturi ta’ Pariġi qalu li din ma kinitx l-intenzjoni, xorta skużaw ruħhom ma min ħassu offiż.
Fit-tieni post, għalkemm nibqgħu nitkellmu dwar l-Olimpjadi, se mmorru Tahiti fejn saru l-kompetizzjonijiet tas-surfing – ritratt li sar ċelebri, u li ġie meħud b’tali mod li dan is-surfer ġie jidher qisu qed itir fl-isħab.
Fit-tielet post, l-isparatura fuq Donald Trump.
Dan huwa ritratt li bla dubju immarka l-kampanja għall-White House. Bil-President jidher bid-demm ma’ wiċċu…bil-ponn…u bil-bandiera Amerikana tperper warajh.
Ir-reba’ ritratt li għażilna fost ir-ritratti ikoniċi tal-2024 joħodna Valencia. Dan hekk kif fl-aħħar ta’ Otturbu, partijiet sħaħ ta’ Spanja inħakmu minn għargħar devastanti li ħalla diversi vittmi.
U fl-aħħarnett, ritratt li jirrakkonta l-istorja tas-sena minn pajjiżna. Il-jum li fih l-eks Prim Ministru Joseph Muscat tressaq il-Qorti akkużat bil-frodi tal-isptarijiet – każ li bla dubju se jibqa’ wkoll fiċ-ċentru tad-diskussjoni matul it-12-il xahar li ġejjin.
//= $special ?>