Fl-aħħar jiem rajna kif minkejja li d-Direttur Ridley Scott irċieva rekord ta’ €47 miljun minn fondi tat-taxxi Maltin għal film tiegħu Gladiator 2 sabiex jinħadem hawn Malta… u waqt intervista ma’ Christopher Nolan spiċċa jgħid li ma jissuġġerix li wieħed imur għal btala f’pajjiżna… l-ebda minn dawk responsabbli ma kkundannaw dan il-kliem.
Fil-fatt, la l-Ministru responsabbli, Owen Bonnici u wisq inqas il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech ma kkundannaw dan il-kumment… anzi, Johann Grech għażel li l-intervista oriġinali mtella’ minn Paramount Pictures jiċċensura partijiet minnha, propju l-partijiet fejn tkellem kontra Malta.
Bil-Partit Nazzjonalista jikkundanna mhux biss dan l-aġir ta’ Johann Grech iżda jgħid kif il-pożizzjoni tiegħu żgur mhux forsi m’għadhiex tenibbli u tilef kull kredibiltà.
Net News tkellem mad-Deputat Julie Zahra li ċċarat li l-Partit Nazzjonalista qatt ma kien kontra li jinħadmu films f’pajjiżna, anzi l-oppost għaliex dawn mhux biss jgħinu l-qagħda finanzjarja ta’ Malta imma anke jiġbdu lejn pajjiżna iktar turisti.
U dan apparti li appellat ukoll sabiex il-Gvern jieħu bis-serjetà l-fondi li jixirqilhom il-produtturi lokali fl-industrija tal-films.
Fakkret li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien hemm għall-artisti Malti u se jibqgħu jsibuh warajhom.
Il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jinsisti li l-Gvern Laburista, għal darba, jieħu l-pass xieraq u jġib fuq quddiem lill-artisti Maltin.
//= $special ?>