Lokali

Raid għad-droga f’appartament fil-Ħamrun

Investigazzjonijiet tal-Pulizija fil-ġlieda kontinwa kontra t-traffikar tad-droga, wasslu biex kmieni dalgħodu ġew arrestati żewġt irġiel fil-Ħamrun.

Wara informazzjoni li ż-żewġ suspettati – ta’ 31 sena residenti Bormla u ta’ 26 sena residenti l-Belt Valletta – kienu qegħdin jiffrekwentaw l-akwati ta’ Triq Manuel Magri, il-Ħamrun fejn allegatament kien qiegħed isir it-traffikar tad-droga, il-Pulizija bdiet sorveljanza fuq il-post.

Dalgħodu, għal xi s-sebgħa, il-Pulizija nnutat liż-żewġ suspettati jaslu fuq il-post b’karozza u mutur. Huma twaqqfu minnufih u saret tfittxija fuqhom, fejn instabu fil-pussess ta’ aktar minn mitt qartas, allegatament droga kokaina.

Waqt li saret tfittxija f’appartament ta’ wieħed mis-suspettati fejn ġew elevati xi dokumenti, saret ukoll tfittxija f’appartament fil-Mosta li wkoll jiġi ffrekwentat minn wieħed mill-arrestati, li minnu ġew elevati aktar qratas suspettati droga kokaina u eroina, kif ukoll madwar €20,000 fi flus kontanti.

Waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, il-Maġistrat Philip Galea Farrugia qiegħed imexxi inkjesta.