Celestial V70 tal-Awstralja rebħet it-trofew u l-klassifika ġenerali tat-tellieqa tal-jottijiet minn Sydney għal Hobart wara li l-edizzjoni ta’ din is-sena ttappnet bil-mewt ta’ żewġ baħrin sforz it-temp kiefer li ħakem din l-edizzjoni.
Il-kaptan Sam Haynes li fl-2022 kien rebaħ dik l-edizzjoni, huwa commodore tal-Cruising Yacht Club tal-Awstralja u l-ekwipaġġ ġew ippreżentati f’Hobart bit-Tattersall Cup, mogħtija lir-rebbieħ tal-klassifika ġenerali wara li jitqies id-daqs tad-dgħajsa u fatturi oħra.
F’kompetizzjoni fuq medda ta’ 628 mil nawtiku li ilha ssir mill-1945, ħadu sehem 104 yacht li wħud minnhom sforz il-maltemp qawwi li qed jaħkem f’Hobart, għad iridu jtemmu r-rotta.
Żewġ baħrin mietu f’inċidenti separati f’temp kattiv li ħakem fl-ewwel lejl ta’ kompetizzjoni. Il-boom fuq Flying Fish Arctos laqat lil Roy Quaden ta’ 55 sena f’rasu, l-istess kif ġara fuq Bowline meta ntlaqat Nick Smith ta’ 65 sena li ħabat rasu.
Fl-edizzjoni tal-1998 mietu sitt irġiel, għerqu ħames dgħajjes u ġew salvati 55 baħri.
LawConnect, supermaxi ta’ 100 pied immexxi minn Christian Beck, kien l-ewwel li daħal f’Hobart biex kiseb line honours għat-tieni sena konsekuttiva. LawConnect temmet f’ ġurnata, 13-il siegħa, 35 minuta u 13-il sekonda.
//= $special ?>