Knisja Lokali

Fra Antoine Gauci se jkun qed jagħmel il-professjoni solenni fl-Ordni tal-Predikaturi

Nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Jannar 2025, fis-6:30pm Fra Antoine Gauci ser jagħmel il-professjoni solenni fi ħdan l-Ordni tal-Predikaturi fil-Knisja ta’ Sidtna Marija tal-Għar u San Duminku ġewwa r-Rabat, Malta.


Il-professjoni solenni hija l-wegħda pubblika li l-kandidat jagħmel għal ħajtu kollha li jgħix skont il-Kunsilli Evanġeliċi, jiġifieri tal-faqar, kastità u ubbidjenza. Permezz ta’ din il-wegħda, il-kandidat iwiegħed li jgħix bħal Kristu, hekk kif insibuh fl-Evanġelju, fqir, kast u ubbidjenti.

Fra Antoine Gauci twieled nhar l-1 ta’ Settembru 1995 u huwa mir-Rabat, Malta. Hu għamel l-ewwel professjoni tiegħu fl-Ordni Dumnikan nhar it-Tlieta 25 ta’ Jannar 2022. Dakinhar wiegħed li jgħix il-Voti Reliġjużi għal tliet snin. Issa huwa sejjer iwiegħed li jgħixhom għal ħajtu kollha u hekk isir membru sħiħ tal-Ordni ta’ San Duminku.

Imwaqqaf fl-1216, l-Ordni tal-Predikaturi huwa ġabra ta’ reliġjużi li jfittxu x-xandir tal-Evanġelju permezz ta’ ħajja ta’ talb, studju u predikazzjoni.

Il-Provinċja Dumnikana Maltija tirrikmanda fit-talb lil Fra Antoine u aktar vokazzjonijiet reliġjużi fi ħdan l-Ordni tal-Predikaturi.