Il-ftuħ tal-Ġublew 2025 bit-tema ‘Pellegrini tat-Tama’ li sar ilbieraħ filgħaxija fl-Arċidjoċesi ta’ Malta. Iċ-ċelebrazzjoni tmexxiet milll-Arċisqof Charles Scicluna u bdiet b’mument ta’ talb fil-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat. Wara, fil-Bażilika Minuri ta’ San Pawl inqraw silta mill-Evanġelju ta’ San Ġwann u silta mill-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew tat-Tama bl-isem ta’ ‘It Tama ma Tqarraqx’ (Spes non confundit).
Iċ-ċelebrazzjoni djoċesana tkompliet b’pellegrinaġġ wara s-salib sal-Katidral tal-Imdina immexxi mill-Arċisqof Scicluna. Ħadu sehem ukoll in-Nunzju Appostoliku Savio Hon Fai-Tai, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, l-Arċisqof Emeritu George Frendo O.P, saċerdoti, reliġjużi u lajċi. Fil-pjazza tal-Katidral, Mons. Arċisqof ippreżenta l-kurċifiss lill-ġemgħa bħala t tama waħdanija ta’ dawk kollha li jemmnu fi Kristu.
Waqt il-quddiesa, l-Arċisqof iddeskriva l-Ġublew tat-Tama bħala mument ta’ grazzja u stedina ta’ ħniena. Huwa qal: “It-tama tagħna mhijiex illużjoni, mhijiex ħrafa, mhijiex ħlieqa tal-bnedmin; it-tama tagħna hi persuna: Ġesù. Aħna pellegrini, li pass pass, daqqa nogħtru u daqqa le, imma resqin lejh.”
Hu semma bosta modi kif nistgħu niċċelebraw il-Ġublew tat-Tama fosthom li nersqu regolarment għas-sagrament tal-qrar, li ninġabru fil-knejjes tagħna għall-quddiesa, u min ma jistax, isegwi l-quddiesa trasmessa online jew fuq it-televixin.
Mons. Arċisqof żied jgħid li matul din is-sena hekk importanti, għandhom jingħaddu aktar it-talba tal-Missierna, il-Kredu u s-Salve Regina.
Hekk kif issuġġerixxa l-Papa Franġisku, l-Arċisqof Scicluna saħaq li bħala Nsara għandna nuru ħniena konkreta ma’ ħutna permezz tal-Opri tal-Ħniena, kemm materjali kif ukoll spiritwali. Dawn jinkludu għajnuna prattika bħal itma’ lil min hu bil-ġuħ, isqi lil min hu bil-għatx, ilqa’ lill-barranin, żur lill-morda u lill-priġunieri, u idfen lill-mejtin. Fl-istess waqt, hemm opri li jmissu r-ruħ, bħal tagħti parir lil ħosbiena, tgħallem lil min ma jafx, twiddeb lill-midinbin, tferraħ lill-imnikktin, u taħfer il-ħtijiet.
Fiċ-ċelebrazzjoni tal-bidu tal-Ġublew f’Malta ħadu sehem diversi koppji mill-Moviment ta’ Kana, hekk kif ilbieraħ fil-Festa tal-Familja Mqaddsa, ġie ċċelebrat ukoll il‑ġublew tal‑familji, il-miżżewġin, l-għarajjes u l-koppji.

Waqt il-pellegrinaġġ fit-toroq tar-Rabat

Il-ġemgħa preżenti fil-Bażilika Minuri ta’ San Pawl fir-Rabat
//= $special ?>