Wara l-bidu mill-aqwa li kellha l-Kumpanija Teatru Rjal fit-teatru prestiġjuż ta’ Dar il-Mediterran bil-Pantomima Maltija ta’ din is-sena ‘Is-Sleeping Beauty’, kollox jinsab lest biex wara li ttemm ir-rappreżentazzjonijiet f’Malta, b’dik tal-lejla u ta’ għada lejlet l-Ewwel tas-Sena, tkompli f’Għawdex fejn għall-ewwel darba se ttella’ żewġ rappreżentazzjonijiet tal-Pantomima Maltija.
Il-parti prinċipali, dik tad-dama, għas-seba’ sena qed tkun f’idejn l-attur bravu Rodney Gauci, isem li llum stabbilixxa ruħu ferm mal-udjenza tat-teatru, partikolarment dawk tal pantomima tal-kumpanija Teatru Rjal u li qed jallegra bil-kbir lill-udjenza ta’ Dar il-Mediterran.
Flimkien ma’ Rodney, qed jieħdu sehem ukoll kantanti u atturi magħrufa taħt id-direzzjoni ta’ Bryan Muscat. Il-Kinetic Dance Academy għall-10 sena konsekuttiva qed tkun protagonista f’din il-Pantomima.
Novita oħra gdida għal din is-sena hija kif tispiċċa s-serata tal Pantomima ta’ għada l-31 ta’ Diċembru, fejn il-mistednin se jkunu qed igawdu minn programm eċċezzjonali ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena li jibda minn qabel il-pantomima u jitkompla sas-1am. Wieħed jista’ jattendi separatament jew is-serata tal-Panto biss jew l-afterparty biss, jew it-tnejn flimkien.

Illum it-Tnejn, ir-rappreżentazzjoni tal-Pantomima b’mużika wkoll live u bil-Malti, Sleeping Beauty, f’DAR IL-MEDITERRAN, tibda fis-7.30pm; u dik speċjali ta’ għada t-Tlieta, lejlet l-Ewwel tas-Sena, tibda fis-7.00pm.
Il-kumpanija Teatru Rjal se tkun qed ittella’ l-istess pantomima, bl-istess xenarju, l-istess atturi u l-istess kostumi, ukoll f’dati differenti fit-teatru rinnovat tal-ORATORJU DON BOSCO fir-Rabat, Għawdex, nhar is-Sibt 4 ta’ Jannar 2025 fis-7.30pm u l-Ħadd 5 ta’ Jannar 2025 fil-5.30pm.
Il-booking għal dawn ir-rappreżentazzjonijiet kollha huwa miftuħ mill-website ktrmalta.com jew permezz tal-mobile 99476468.
