Lokali Qorti

Jinżammu arrestati żewġ żgħażagħ mixlijin bi traffikar ta’ droga

Huma Jean Paul Azzopardi ta’ 31 sena minn Bormla li jaħdem bit-trailers u Rowan Azzopardi ta’ 26 sena mill-Belt Valletta li jaħdem bħala delivery man, iż-żgħżagħ li tressqu l-Qorti mixlijin bi traffikar ta’ droga. Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom u fi tmiem is-seduta ntbagħtu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li l-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest minn naħa tad-difiża.

L-akkużati spiċċaw arrestati il-Ħadd li għadda waqt ir-rejd għad-droga li l-Pulizija għamlet fil-Ħamrun. Huma ġew mixlijin quddiem il-Maġistrat Marse-Anne Farrugia b’16-il akkuża li jinkludu pussess tar-raża tal-pjanta cannabis, kokaina u eroina.

Wara tfittxija instab li fuqhom kellhom aktar minn 100 qartas aktarx tal-kokaina. F’appartament ta’ wieħed minnhom instabu aktar qratas aktarx tal-kokaina u l-eroina, u anke madwar €20,000 fi flus kontanti.  Iż-żewġ persuni li ġew arrestati wara li l-pulizija għamlet raid fi blokka appartamenti fi Triq Manuel Magri fil-Ħamrun.

Din skont il-prosekuzzjoni nstabet f’ċirkostanzi li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħhom. Ġew akkużati wkoll li assoċjaw ruħhom ma’ persuni oħra biex ibigħu jew jittraffikaw id-droga, li kissru l-kundizzjonijiet imposti fuqhom mill-Qorti tal-Maġistrati u li kkommettew dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru mill-parametru ta’ skola.

L-Ispettur Francesco Mizzi, li ressaq lill-akkużati qal li l-Ħadd, 29 ta’ Diċembru, għall-ħabta tas-6.45am, il-pulizija mit-Taqsima Kontra d-Droga kellhom mandat ta’ arrest u tfittxija fil-konfront ta’ Jean Paul Azzopardi. Miegħu kien hemm Rowan Azzopardi li wkoll ġie arrestat.

Fuq mejda nstab baskett tal-irġiel bi droga suspettata li hija kokaina, cannabis u eroina u minn tfittxija nstabet aktar droga u flus kontanti. L-Avukat tad-difiża Josè Herrera staqsa jekk fuq Jean Paul Azzopardi nstabietx droga bl-Ispettur Mizzi jgħid li nstabu ċwievet waqt li sostna li ż-żewġ akkużati ġew arrestati fi ‘snack bar’ fil-Ħamrun.

Il-prosekuzzjoni talbet għall-iffriżar tal-assi bil-Maġistrat Farrugia tilqa’ it-talba u ordnat l-iffriżar tal-assi kollha tal-imputati. Id-difiża talbet li l-imputati jingħataw il-ħelsien mill-arrest imma l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha minħabba n-natura serja tal-akkużi u minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom fi stadju bikri, li jinkludu terzi membri f’orgranizzazzjoni kriminali hekk kif marbuta mal-każ hemm tfittxija għal persuna oħra.

Wara li semgħat l-argumenti taż-żewġ naħat il-Maġistrat Farrugia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ akkużati. Il-prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali waqt li għaż-żewġ akkużati dehru wkoll l-Avukati Alexander Scerri Herrera u Francesca Zarb.