Internazzjonali

L-Alleanza tan-NATO mħassba dwar il-potenzjal ta’ sabutaġġ fil-Baħar Baltiku

L-Alleanza tan-NATO qed issaħħaħ il-preżenza militari fil-Baħar Baltiku fost l-akkużi li r-Russja wettqet azzjoni ta’ sabutaġġ fil-cable ewlieni ta’ taħt il-baħar li  jipprovdi sors ewlieni  ta’ enerġija lill-Estonja.

Il-cable bl-isem Estlink 2  jinsab fil-Golf tal-Finlandja u meta bħalissa,  f’din iz-zona, hemm patrol ship tal-Estonja li qed isegwi l-movimenti marittimi fil-madwar.

Hu suspettat li vapur bl-isem Eagle S ikkaġuna l-ħsara fil-cable u bl-Unjoni Ewropea qed issostni li l-vapur hu parti minn ‘flotta sigrieta’ tar-Russja li s-soltu tkun involuta fil-missjonijiet klandestini.

Il-problemi għall-Estlink 2, intant, irriżultaw mill-aħħar fost sensiela ta’ attakki suspettati fuq l-infrastruttura kritika fil-Baħar Baltiku…Attakki li x’aktarx twettqu mis-suspettati ‘avversarji tan-NATO u tal-Punent’.

L-indikazzjonijiet huma li l-Finlandja wkoll se tkun parti mill-istrateġija għall-protezzjoni tal-cable ‘li fadal u li għadu qed jiffunzjona’ bħala s-sors ta’ enerġija għall-Estonja.Dan meta t-Tmexxija f’Tallinn trid taċċerta li  tibqa ’sħiħa‘ il-konnessjoni kritika mal-Finlandja relatata mal-proviżjoni tal-enerġija’.

Intant, il-Kremlin f’Moska ma kummentax dwar il-ħsarat fl-Estlink 2 waqt li sostna li l-issue ma tirrikjedix intervent mill-Presidenza tar-Russja.

‘Se tkun aktar viġilanti…’

Madankollu, in-NATO – permezz tas-Segretarju Ġenerali Mark Rutte – għamlitha ċara li l-Alleanza qed tkun aktar viġilanti minbarra li qed taħseb biex  iżżid il-preżenza tagħha fil-Baltiku.

Rutte ikkonferma dan waqt taħdita mal-President tal-Finlandja Alexander Stubb u meta hu wiegħed aktar appoġġ lill-Mexxej Finlandiż kif ukoll lill-Mexxejja tal-Istati Baltiċi kollha – f’dan il-każ l-Estonja, il-Latva u l-Litwanja.

L-Estonja u l-Finlandja, (l-istess bħall-pajjiżi l-oħra msemmija)  huma membri tan-NATO, u l-Prim Ministru Estonjan, Kristen Michal ,qal li ż-żewġ pajjiżi, jekk neċessarju, għandhom jirrikorru għal Artiklu 4 tat-Trattat tan-NATO…Trattat  li jippermetti għal konsultazzjoni kollettiva f’każ li kwalunkwe Stat tal-Alleanza jħossu taħt theddida.

Intant, il-provvista tad-dawl għall-Estonja naqset drastikament minħabba l-għeluq tal-cable ‘Estlink 2’ li hu twil mal-170 kilometru. Dan waqt li l-kumpannija Finlandiża għall-Enerġija ‘Fingrid’ qalet li t-tiswijiet lill-cable jistgħu jdumu għaddejjin sal-aħħar ta’ Lulju li ġej.